Lokali

“Il-Gvern ta’ Robert Abela tant jinsab mifni bi kriżi li għażel waħdu li ma jlaqqax il-Parlament” – il-PN

Il-Gvern reġa’ għażel li jigdeb u jinsulenta l-intelligenza tan-nies fit-tweġiba tiegħu biex jipprova jgħatti l-problemi u l-inkwiet fi ħdanu,

Il-fatti huma li, fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, fl-ebda ħin il-membri tal-Gvern ma indikaw li llum ma kienx se jitlaqqa’ l-Parlament.

Barra minn hekk, fis-seduta tat-Tnejn, l-Oppożizzjoni talbet lill-Gvern biex jinfethu liġijiet oħrajn imsemmija fl-aġenda, iżda l-iskuża tal-Gvern kienet li l-Ministri konċernati ma kinux disponibbli.

Il-Gvern tant jinsab mifni bi kriżi u dahru mal-ħajt, qal il-Partit Nazzjonalista, li għażel waħdu li ma jlaqqax il-Parlament bħalma għażel waħdu li jieqaf għal xahar sħiħ bl-iskuża tal-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li għadda.

In-nuqqas ta’ ħeġġa u parteċipazzjoni mill-membri tal-Gvern fil-ħidma Parlamentari, kompla jisħaq il-PN, hi waħda viżibbli u nnutata b’mod regolari. Dak li ġara llum hu prova ċara għal dan.