Lokali

“Il-Partit u l-pajjiż daħlu f’koma”- Evarist Bartolo

“Jekk il-koma titwal se jiżdiedu l-votanti li jirraġunaw li min hu l-problema ma jistax ikun is-soluzzjoni”

“F’dawn il-jiem qed isiru laqgħat għad-delegati Laburisti mal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela – nittama li dawn il-laqgħat iħallu aktar frott mil-laqgħat li saru wiċċ imb wiċċ miegħu għax ma ttieħdet ebda azzjoni.”

Sostna dan fuq Facebook l-Eks Ministru Evarist Bartolo li saħaq li f’dawn il-laqgħat kien hemm min tkellem ċar; u f’botta mill-aktar ċara għal nies oħra sostna li dawn ma ridux jieħdu konsulenza jew kuntratt imma l-ġid għall-poplu u l-Partit.

Huwa saħaq li l-laqgħat saru, inxtorob il-kafè, kien hemm it-tbissim… imma l-aktar ħaġa importanti u li tgħodd ma saritx… ma ttiħditx azzjoni u l-partit u l-pajjiż daħlu f’koma.

Evarist Bartolo insista li l-isfidi għall-pajjiż u l-Labour huma kbar u diffiċli.

Huwa sostna li l-isfidi żdiedu meta ma ttiħdux passi dwar l-iskandlu tal-Panama Papers kif ukoll ikkundanna l-fatt li ma sar ebda pjan biex jilqa’ għall-effetti soċjali u ekonomiċi għaż-żieda deskritta minnu bħala waħda insostenibbli fil-popolazzjoni.

Finalment, huwa temm jgħid li jekk il-koma tibqa’ titwal se tasal l-elezzjoni ġenerali u jiżdiedu l-votanti li jirraġunaw li min hu l-problema ma jistax ikun is-soluzzjoni u jivvotaw biex jeħilsu mill-gvern preżenti.