Lokali

“Il-proposta li jsir park fl-Imsida hija opportunità tad-deheb”

“Il-proposta li jsir park fl-Imsida hija opportunità tad-deheb.”

Kien dan il-kliem li użat id-Direttur tal-Istituzzjoni għat-Tibdil fil-Klima u l-Iżvilupp Sotennibbli fl-Università ta’ Malta, Maria Attard, biex tiddeskrivi l-proposta tal-Kamra tal-Periti sabiex l-Imsida Junction issir park b’2,000 siġra, minflok il-flyover li hi proposta għal din iz-zona.

Id-direttur tispjega li kif qed jiġi miftiehem, il-flyover se tkun qed issir fid-dawl tar-rieda li jiżdied l-ispazju għat-traffiku li dejjem iżid. Attard għamlet referenza għall-istudji li saru fl-2019, u li skont l-istudju li sar dwar din il-junction, it-traffiku kellu jikber b’4% sa din is-sena, b’15.6% sa 2033 u b’31.5% sal-2048.

Maria Attard tispjega li anke fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea sabiex jibdew il-proċeduri ta’ defiċit, issir referenza għat-trasport u l-bżonn li tiġi indirizzata l-kriżi tat-traffiku billi titjieb il-kwalità u l-effiċjenza tat-trasport pubbliku u l-infrastruttura.

Intant, hija ddiskutiet ukoll il-fatt li l-idea li jitbassar it-traffiku u s-soluzzjoni tkun li tiġi provduta soluzzjoni għall-ammont kbir ta’ traffiku li ħakem lill-pajjiżna, hija antika u għalhekk issa t-triq il-ġdida hi li tinbidel l-ideoloġija għal waħda li tpoġġi n-nies fiċ-ċentru u mhux il-karozzi.

Maria Attard spjegat li l-Imsida, hija lokalità fejn wieħed jistudja, jaħdem u jgħix il-ħajja tiegħu ta’ kuljum u għalhekk dawk kollha li b’xi mod imissu ma’ din il-lokalità ħaqqhom post li jistgħu jmorru sabiex jieħdu arja friska u nadifa, lokalità sigura minn għargħar, u post li huwa attraenti għall-attivitajiet soċjali.

Huwa għalhekk li din il-proposta – li jsir park ta’ 2,000 siġra hija opportunità tad-deheb sabiex fil-pajjiż, il-benesseri jkun prijorità sabiex mhux biss jiġu indirizzati l-problemi ambjentali f’din il-lokalità imma anke sabiex in-nies jitfgħu aktar fiduċja fit-trasport pubbliku.