Il-Qorti laqgħet talba tal-prosekuzzjoni biex wieħed mill-akkużati dwar il-frodi tal-benefiċċji soċjali allegatament immexxija minn Eks Deputat Laburista fuq it-tielet distrett, jiġi eżaminat minn espert mediku. Dan ħareġ meta quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tal-Eks Deputat Laburista t-Tabib Silvio Grixti u oħrajn.
Ma’ Grixti hemm akkużati wkoll Dustin Caruana, Manuel Spagnol, Luke Saliba u Roger Agius li fost oħrajn jinsabu mixlija b’ħasil ta’ flus, frodi u organizzazzjoni kriminali. Matul is-seduta, il-Qorti ħatret lil espert biex jeżamina lil Roger Aguis wara li l-prosekuzzjoni qalet li dan l-eżami se japprova jekk il-marda li Aguis kien jgħid li għandu, hix vera jew waħda fittizja.
Fis-seduta li jmiss, li se ssir fid-9 ta’ Settembru li ġej, il-Qorti ser tkun qed tisma’ lid-difiża ta’ Luke Saliba tirribatti l-istess talba li saret fil-konfront tiegħu. Roger Agius, huwa l-eks xufier tas-Segretarju Parlamentari Andy Ellul fejn ilu jgħid li lest li jagħti informazzjoni fil-Qorti dwar Mark Calleja, magħruf aħjar bħala “Il-Gulija” li huwa ‘person of trust’ tal-Ministru Michael Falzon, b’rabta mal-frodi fil-benefiċċji soċjali.
Roger Agius (fir-ritratt jidher fuq ix-xellug ma’ Silvio Grixti), ilu jallega li b’rabta mal-iskandlu tal-benefiċċji soċjali hemm person of trust ta’ Michael Falzon li qallu li kemm idum il-Ministru Falzon ma jkollhom ‘trouble’ qatt.
Kif spiċċat is-seduta tal-Erbgħa, Agius instema’ jgħid fil-kurituri tal-Qorti li l-Pulizija qabdet biss il-ħuta ż-żgħira u jixtieq li jagħti l-infomazzjoni li għandu lill-Qorti. Il-Qorti mistennija tiddeċiedi fil-futur qarib rikors dwar din it-talba.
Roger Agius ilu ħafna jisħaq li kien lest jikxef bil-ġurament, u li ħames snin ilu Mark Calleja kien tah burner phone biex permezz tiegħu biss isiru t-telefonati dwar l-applikazzjonijiet abbażi ta’ ċertifikati frawdolenti. Agius kien u għadu jinsisti li hu kien lest jikxef kif dan l-istess uffiċjal, allegatament Mark Calleja li ngħata position of trust minn Michael Falzon, kien jirranġa l-kompożizzjoni tal-Bord Mediku biex ikun iggarantit li dawk li jkunu referuti jgħaddu żgur.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Abigail Caruana Vella u Charmaine Abdilla mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi Andy Rotin, Wayne Borg u Shaun Friggieri. Għad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qed tidher l-Avukat Anita Giordimaina. L-Avukati Micheal Sciriha, Lucio Sciriha u Roberto Spiteri qed jidhru għal Caruana u Spagnol.
L-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta qed jidhru għal Agius, filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi u Franco Debono qed jidhru għat-Tabib Grixti. Għal Saliba qed jidhru l-Avukati Josè Herrera u Matthew Xuereb.
//= $special ?>