“Is-sitwazzjoni ta’ Fearne hija riżultat tal-ħmieġ li ppermetta Gvern Laburista”.
Kliem l-editorjal tal-MaltaToday, fid-dawl ta’ dak li qed ikun imsejjaħ ‘frame-up‘ fil-konfront tad-Deputat Mexxej tal-Labour u Eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne.
L-editorjal jispjega li dak li sar fuq Chris Fearne huwa att kriminali u immorali, fejn fakkar li kienu l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-Eks Ministru Konrad Mizzi u l-Eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri li ressqu lill-kumpanija Steward Healthcare lejn pajjiżna sabiex jagħmlu dak li suppost kellu jkun investiment fis-settur tas-saħħa.
L-editur jagħti raġun lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u jistqarr li għandu raġun jiddeskrivi din l-aħħar sitwazzjoni bħala evidenza ta’ stat mafjuż.
Hekk kif spjega li t-twissjijiet kontra deals ma’ din il-kumpanija kienu ċari, it-twissijiet kienu injorati u redikolati.
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-editur spjega li Chris Fearne m’għandu jwaħħal f’ħadd ħlief fl-Eks Prim Minsitru u Eks Mexxej tiegħu Joseph Muscat, dan għaliex l-istess kumpanija li ħallset il-miljuni sabiex tiġi ffabrikata storja fuqu hija l-istess kumpanija li ħallset il-flus lill-kumpanija Accutor – li konsulenti tagħha kellha lil Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi wara li xeħtu r-reżenja tagħhom mill-Gvern u l-Partit Laburista.
Intant, l-editur tenna li dawk kollha li qed juru solidarjetà ma’ Chris Fearne fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, huma l-istess nies li wrew is-sapport tagħhom barra l-Qorti meta tressqu Joseph Muscat u n-nies tiegħu.
L-editorjal ifakkar li l-pazjenti Għawdxin tħallew mingħajr sptar, St.Luke’s issa huwa barunbara tal-ħamiem u Karin Grech jinsab għarkupptejh. Dan kollu filwaqt li €400 miljun daħlu fil-bwiet ta’ kriminali li ffabrikaw storja fuq Chris Fearne u għamlu deal mal-Gvern Malti mmexxi minn Joseph Muscat.
Huwa għalhekk illi l-editur insista li l-kelma korruzjoni, lanqas hi biżżejjed biex tiddeskrivi dak li ħoloq Gvern Laburista, li issa huwa mmexxi minn Robert Abela, u spjega li għandhom ikunu Abela u Fearne stess li issa jiddistakkaw pubblikament mill-Eks Mexxej tagħhom Joseph Muscat.
L-editur spjega wkoll li Robert Abela għandu jirtira l-isfida li l-Gvern tiegħu qed iressaq fil-Qorti quddiem il-każ li fetħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien max-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia bil-għan li jinġiebu lura l-€400 miljun misruqa mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.
Fl-editorjal ġie spjegat li l-poplu Malti u Għawdxi jrid serħan il-moħħ, serenità u normalità u mhux pajjiż fejn minn jum għall-ieħor jinqala’ każ ta’ korruzzjoni ġdid. Pajjiżna ħaqqu stat aħjar minn dak li jinsab fih issa.
L-iżviluppi fl-aħħar ġranet
Fl-aħħar ġranet ġie żvelat kif Steward Healthcare nefaq €6.5 miljun sabiex jiffabrikaw stejjer fuq dawk kollha li ma kinux qed jaqblu magħhom, dan fosthom Chris Fearne.
F’Ġunju tas-sena li għaddiet, sit elettroniku bbażat fi Brussel kien allega li l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne kien daħħal fil-but flejjes li ġew mill-bejgħ ta’ passaport lil ċittadin Russu. Dawn il-flus – €3.2 miljun – kienu għaddew lit-tifla ta’ Carmen Ciantar. Ciantar kienet tmexxi l-FMS.
Ftit tal-ġimgħat wara, l-istess website kienet waqqfet l-istorja għaliex qalet li s-sors tagħha kien wieħed “oskur” u l-provi kienu bbażati fuq dokumenti foloz u iffabrikati.
Minn meta ħarġu dawn l-istejjer, Fearne dejjem tkellem dwar il-famużi “forzi tad-dlamijiet”.
Intant, b’reazzjoni għal dan, permezz ta’ post fuq Facebook, id-Deputat Mexxej Laburista Chris Fearne qal li kiteb lill-Kummissarju tal-Pulizija biex “jinvestiga min wettaq il-frame-up fuqu, kemm tħallsu flus biex dan seħħ u x’kienu l-vera motivazzjonijiet”.
Fil-post tiegħu, Fearne qal li “jidher ċar min huwa s-sors ta’ dan il-qerq”. Għalkemm ma qalx għal min qed jirreferi.
//= $special ?>