L-attakkant tat-tim Ingliż u plejer ta’ Brentford Ivan Toney qal li jinsab iddiżappuntat bl-ammont limitat ta’ ħin li lagħab matul l-EURO 2024.
Hu kien qed jgħid dan meta l-Erbgħa waranofsinhar kien qed jindirizza lill-midja bi tħejjija għall-partita ta’ nhar is-Sibt meta fil-kwartifinali t-tim Ingliż jilgħab kontra l-Iżvizzera.
Toney daħal bħala sostitut fil-ħin mogħti żejjed fi tmiem il-partita kontra l-Islovakkja fejn kien strumentali biex l-Ingilterra ġġib l-iskor indaqs fl-94 minuta permezz ta’ Jude Bellingham u kien protagonista meta ta’ assist lil Harry Kane biex fil-ħin barrani l-Ingilterra marret ukoll fil-vantaġġ.
Il-kowċ Ingliż Gareth Southgate qal li Toney kien diżgustat li daħal fl-aħħar minuta tal-partita bil-plejer jgħid li huwa lest li jagħti kwalunkwe kontribut matul l-EURO 2024.
Hu qal li għalih hija diffiċli li ma tantx jilgħab hekk kif ma’ Brentford jilgħab kull partita. Mat-tim Ingliż dan mhuwiex possibli hekk kif l-attakkant prinċipali fis-sistema ta’ Gareth Southgate huwa l-captain Harry Kane. Toney qal li fl-aħħar xhur ħadem viċin ta’ psikologu fejn għenu jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu.
//= $special ?>