Internazzjonali

L-Ukrajna: Laqgħa sinifikanti fi Kiev bejn Zelensky u l-Prim Ministru Ungeriż Orban

Il-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, kellu laqgħat sinifikanti fi Kiev mal-President Ukren Volodymyr Zelensky u fejn sostna li l-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja hi l-aktar issue importanti li qed tindirizza l-Ewropa bħalissa. Minkejja li Orban hu l-aktar Mexxej Ewropew qrib tal-President Russu Vladimir Putin, hu rrakkomanda biex il-militar tar-Russja u l-Ukrajna jissieħbu immedjatament fi ftehim għall-waqfien mill-ġlied li, forsi, iwassal għall-paċi.

Iż-żjara ta’  Orban fl-Ukrajna qed titqies bħala ġest pożittiv rari fi żmien ta’ taqlib fir-relazzjonijiet bejn Kiev u Budapest – sitwazzjoni li ggravat fl-aħħar xhur minħabba li Orban kemm-il darba esprima ħsibijiet u opinjonijiet favorevoli għall-Putin u l-Kremlin li huma l-aggressuri fil-Gwerra tal-Ukrajna.

Minbarra dan, Orban u l-Gvern Ungeriż kemm-il darba imblukkaw jew ipposponew l-inizjattivi tal-Unjoni Ewropea biex testendi l-għajnuna lill-Ukrajna u biex l-Unjoni tiffissa s-sanzjonijiet addizzjonali għall-Kremlin ta’ Moska – atteġġjament li ma ntlaqa’ tajjeb xejn mill-President Zelensky u mexxejja oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, iż-żjara ta’ Orban fi Kiev qed tidher li fetħet il-bieb għal fażi ġdida fir-relazzjonijiet bilaterali u bil-PM Ungeriż itenni li ‘kien wasal iż-żmien’ biex hu jqatta’ xi żmien fl-Ukrajna. Hu qal, waqt kummenti lill-media, li ż-żewġ pajjiżi għandhom jikkonċentraw fuq il-futur u fejn esprima xewqtu ‘li r-relazzjonijiet bilaterali jkomplu jitjiebu’.

It-tensjoni bejn l-Ukrajna u l-Ungerija ma naqsitx mill-bidu tal-gwerra ‘l hawn – b’Orban jipprova jippreżenta ruħu bħala protagonista għall-paċi, fost is-sejħiet għal taħditiet bejn l-Ukreni u r-Russja u mingħajr ma hu qatt tkellem dwar l-impatt ta’ dawn l-inizjattivi għall-integrità territorjali tal-Ukrajna.

Waqt it-taħditiet tal-bieraħ fi Kiev, Orban, ftit jew wisq, irrepeta din is-sejħa u qal li hu favur kwalunkwe inizjattiva li tista’ tħaffef in-negozjati għall-paċi bejn Moska u Kiev.

Min-naħa tiegħu, il-President Zelensky qal li hu ‘grat’ għall-appoġġ umanitarja li l-Ungerija provdiet lir-refuġjati Ukreni li qed jaħarbu mill-gwerra. Zelensky kompla li l-Ungerija kapaċi jkollha rwol siewi fl-organizzazzjoni ta’ tieni summit għall-paċi fuq l-istess linji tas-summit li kien sar ix-xahar li għadda fl-Iżvizzera u li għalih attendew l-għexieren tal-mexxejja tad-dinja.

Il-President Zelensky, fil-fatt, jixtieq li dan l-avveniment isir mill-aktar fis din is-sena u żvela li hu u Orban iddiskutew fid-dettall il-mod kif l-Ungerija kapaċi tkun protagonista fl-organizzazzjoni tal-hekk imsejjaħ ‘tieni summit’’.