Kummerċ Sport

MeDirect għal darb’oħra jisponsorja l-Otters ASC

Amanda Dimech tippreżenta l-isponsorship ta’ MeDirect ta’ Otters ASC lil Paul Dimech fil-preżenza tal-membri tal-kumitat ta’ Otters (mix-xellug) Andrew Zammit, Jean Paul Buttigieg u George Azzopardi.

MeDirect ġedded mill-ġdid l-isponsorship tiegħu ta’ Otters ASC, l-uniku klabb tal-waterpolo f’Għawdex. Permezz ta’ dan il-ftehim, MeDirect se jkompli jgħin lit-tim tal-kbar tal-klabb, lill-akkademja tal-għawm tiegħu kif ukoll lit-timijiet li jilagħbu f’kompetizzjonijiet nazzjonali organizzati mill-Aquatic Sports Association ta’ Malta fil-livell ta’ taħt il-11, taħt it-13 u taħt il-15-il sena.

Amanda Dimech, Wealth Manager fiċ-ċentru ta’ investiment ta’ MeDirect f’Għawdex, qalet: “MeDirect żviluppa sħubija b’saħħitha ma’ Otters ASC. Hekk kif il-klabb qed ikompli jevolvi, bi pjaċir naraw aktar żgħażagħ jinteressaw ruħhom fl-għawm u l-waterpolo u nistennew bil-ħerqa li nappoġġjaw id-diversi inizjattivi tal-klabb matul is-sena li ġejja. Flimkien qed ngħinu lill-ġenerazzjoni li jmiss tiżviluppa drawwiet tajbin, kemm f’termini ta’ saħħa fiżika kif ukoll finanzjarja.”

Paul Dimech, Viċi President ta’ Otters ASC, qal: “MeDirect għandu rwol importanti biex jiżgura li l-klabb tagħna jkun kapaċi jaqdi lill-komunità u jikkompeti fil-kompetizzjonijiet tal-waterpolo ta’ Malta. Grazzi għal dan l-impenn fit-tul, aktar u aktar żgħażagħ f’Għawdex qed igawdu l-benefiċċji fiżiċi u mentali ta’ stil ta’ ħajja attiv.”

Imwaqqaf fl-1971, il-klabb Otters ASC kien lagħab għall-ewwel darba fit-tieni diviżjoni tal-Gozo Waterpolo League li llum spiċċat. Hekk kif il-klabb kiber ittieħdet deċiżjoni fl-1977 li jingħaqad mal-kompetizzjoni ta’ taħt it-18-il sena tal-Aquatic Sports Association ta’ Malta. Matul is-snin ta’ wara, il-parteċipazzjoni ta’ Otters fil-kampjonati Maltin kibret, u laħqet il-qofol tagħha meta l-klabb sar membru permanenti tas-sistema tal-kampjonat Malti tal-waterpolo fl-1982.