Żagħżugħ ta’ 23 sena minn Ħal Qormi ġie illiberat mill-Maġistrat Simone Grech wara li ma nstabx ħati li bejn id-29 ta’ Mejju u s-7 ta’ Ġunju ta’ sentejn ilu u anke qabel, f’Ħal Qormi stess hedded u inġurja koppja u li wettaq ħsara fil-karozza u l-garaxx tagħha.
Minħabba nuqqas ta’ provi miġjuba mill-prosekuzzjoni, Emmanuel Camilleri ma nstabx ħati li ta fastidju lill-istess koppja u li kiser il-paċi pubblika b’għajat u ġlied. Lanqas ma nstab ħati li wettaq ħsara li tammonta għal aktar minn €250 iżda inqas minn €2,500 għad-dannu tal-istess koppja.
Skont il-prosekuzzjoni fi tliet okkażjonijiet l-imputat mar matul il-lejl, u dan għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu, isabbat fuq il-proprjetà tagħhom u joffendihom minn barra. F’okkażjoni minnhom il-koppja sostniet li Camilleri kien anke ta xi daqqiet fuq il-vettura tagħhom, bil-konsegwenza li saritilha ħsara fuq il-bieba ta’ quddiem tan-naħa tal-passiġġier, u li ta daqqiet ukoll fuq il-bieb tal-garaxx tagħhom u kkaġunalu ħsara.
L-allegat vittma xehed li fis-7 ta’ Ġunju 2022. Beda jisma’ ħafna għajat u kliem ħażin fil-konfront tiegħu. Ikkonferma li kien għaraf lill-imputat li kien qed joffendih u wettaq il-ħsara msemmija. Tenna wkoll li l-ġenituri ta’ Camilleri kienu offendewh ukoll.
Kompla jgħid li l-akkużat mar lejn il-bieb tal-garaxx tiegħu u ftit wara, bdiet iddoqq l-alarm. Tenna li l-offiżi kienu jikkonsistu billi kien qed jiġi nstigat għall-ġlied, u li d-diskors li kien qed jintuża minn naħa ta’ Camilleri kien fil-plural. Il-mara tiegħu kkonfermat ix-xhieda ta’ żewġha.
Camilleri għażel li jixhed fil-proċeduri kontrih, fejn ċaħad li kkaġuna xi ħsarat waqt dan l-allegat inċident. Tenna li l-koppja għandhom ħafna karozzi u lanqas jaf b’liema karozza jkunu. Ikkonferma li l-battibekk bejn il-ġenituri tiegħu u l-koppja ilhom għaddejjin.
Il-Qorti ġiet mgħoddija wkoll mill-prosekuzzjoni żewġ USB sticks, li fliethom sew. F’dawn kien hemm numru ta’ files u filmati. Madankollu, id-dati li hemm indikati mhumiex id-dati li huma msemmija fl-akkużi.
Ħafna mill-filmati juru lmenti oħra tal-koppja bħal irrejżjar ta’ vetturi, tpoġġija ta’ qsari jew skart u sewqan bl-addoċċ, li lanqas m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-każ. Fihom jidhru persuni mingħajr l-imputat, anke jekk Camilleri, f’ħin minnhom, jidher ftit.
F’dawn il-filmati jidhru raġel u mara oħra, li bdew jinsulentaw lill-koppja. Il-parti fejn kien hemm Camilleri, li għaraf lilu nniffsu bħala dak li kien liebes flokk iswed, kien jidher eċċitat u qed jieħu xi filmati ta’ dak li kien qed iseħħ.
Il-Qorti qalet li fl-ebda ħin ma Camilleri jidher li ta xi daqqa fuq il-karozza jew il-bieb tal-garaxx. Huwa minnu li nstema’ l-alarm idoqq, imma mill-filmati wieħed ma setax jifhem għaliex dan kien qabad idoqq. Il-Qorti qalet li għalhekk ma tistax toqgħod fuq tali filmati.
Il-Qorti qalet li l-prosekuzzjoni ma waslitx sal-punt li l-każ ġie ppruvat kif trid il-liġi, dak ta’ mingħajr dubju raġonevoli u għalhekk illiberat lill-imputat.
Għal Camilleri deher l-Avukat David Gatt.
//= $special ?>