Lokali

Michael Falzon u Andy Ellul mhux se jiftħu libell fil-konfront ta’ Roger Agius

Il-Ministru Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul ma jridux jiftħu libell lil Roger Agius. Dan wara li l-eks xufier tal-istess Ellul ilu għal ġimgħat sħaħ jallega li l-Ministru Falzon qed iżomm miegħu person of trust involut sew fl-iskandlu tal-benefiċċji soċjali.

Fil-fatt, f’rapport miktub lill-Maġistrat Rachel Montebello, intqal li Andy Ellul kien konxju b’dak li kien qed jiġri – filwaqt li f’email indirizzata lill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg, Agius insista li Andy Ellul kien jaf li qal fuqu fi statement mal-Pulizija.

Minkejja dawn l-allegazzjonijiet magħmula minn Roger Agius u l-avukati tiegħu, Falzon u Ellul ma jridux jiftħu libell.

Roger Agius, li huwa fost dawk implikati s’issa mal-iskandlu tal-benefiċċji soċjali flimkien mal-Eks Deputat Laburista Silvio Grixti, ilu għal xhur sħaħ jitlob għall-istatus ta’ Whistleblower sabiex ikun jista’ jikxef l-għanqbuta wara dan l-iskandlu li sewa miljuni ta’ ewro minn flus il-poplu.

Hu, flimkien mal-Avukat tiegħu Jason Azzopardi, insista li l-Ministru Michael Falzon qed iżomm miegħu person of trust lil Marc Calleja, magħruf aħjar bħala l-Gulija, b’Agius jinsisti li kien hu li orkestra dan l-iskandlu.

Madanakollu, mhux talli s’issa Roger Agius għadu ma ngħatax l-istatus ta’ whistleblower, talli qed jiġi mhux biss f’xi waqtiet injorat iżda issa anke attakkat.

Dan wara li tul il-jum tat-Tlieta, fil-Parlament, Michael Falzon kritika l-intervent li għamel Agius waqt il-programm ta’ Andrew Azzopardi fuq RTK103.

Insista li jekk jiġri bħal każ ta’ Chris Fearne u xi allegazzjonijiet jisfumaw fix-xejn, se jkun agħar minn bojja tar-rivoluzzjoni Franċiża.