Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fil-konfront ta’ Nazzareno Dalli ta’ 43 sena minn Bormla, magħruf bħala Ronald, li għadu għaddej proċeduri fuq każ ta’ attentat ta’ qtil ta’ żewġt ibniet ta’ 12 u 15-il sena meta allegatament tahom diversi daqqiet ta’ sikkina, f’inċident li kien seħħ fid-9 ta’ Marzu li għadda. Waħda mill-bniet qalgħet xejn inqas minn 16-il daqqa ta’ sikkina.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Marsanne Farrugia, qalet fid-deċiżjoni tagħha li hi tal-fehma li Dalli ma jagħtix is-serħan tal-moħħ li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest huwa jsegwi l-kundizzjonijiet imposti fuqu u li mhux ser jikkommetti reati oħra.
Dan fid-dawl ta’ żewġ stqarrijiet tal-imputat stess li tliet xhur qabel l-attentat ta’ qtil fuq iż-żewġ minuri, meta ammetta li beda jabbuża b’mod qawwi minn xorb eċċessiv, kokaina u pilloli tal-irqad. Il-Qorti, ħadet kont ukoll li Dalli qal li ftit sigħat qabel l-inċident huwa kien ikkonsma ħafna kokaina, għax skont hu kien qed jagħtihielu raġel b’xejn filwaqt li ħa xi pilloli kif ukoll xorob xi sustanza likwida minn tazza.
Fl-istqarrija tiegħu, Dalli, qal li konsegwenza ta’ dan il-cocktail ta’ sustanzi hu ntilef minn sensieh, u qal li ma jiftakar xejn x’għamel u x’ġara. Il-Qorti fid-deċiżjoni qalet ukoll li l-imputat għandu jiġi segwit matul dawn il-proċeduri taħt ordni temporanja ta’ superviżjoni.
//= $special ?>