Lokali

Muscat għadu ma lissinx kelma dwar il-frame-up fuq Fearne

Silenzju.

48 siegħa wara li l-OCCRP żvelaw li l-President ta’ Steward Armin Ernst orkestra manuvri u xnigħat biex jelimina politikament lil Chris Fearne… l-Eks Prim Ministru u Eks Mexxej Laburista li jinsab akkużat bi frodi u ħasil ta’ flus – Joseph Muscat – s’issa m’għamel ebda reazzjoni.

F’intervista waħda wara l-oħra, il-predeċessur ta’ Robert Abela kemm-il darba insinwa li d-deal tal-isptarijiet ma ħadimx, fost l-oħrajn, minħabba interessi ulterjuri ta’ wħud – b’referenza ċara għat-tobba. Kemm-il darba ħareġ għonqu b’mod sistematiku kemm għal Steward kif ukoll għal Vitals – minkejja ż-żewġ sentenzi tal-Qorti, żewġ sentenzi li ddikkjaraw id-deal li għamel il-Gvern Laburista bħala frawdolenti – żewġ sentenzi li Muscat saħaq li ma jaqbilx magħhom.

Lura fl-2020, ġimgħat biss wara li rriżenja minn Prim Ministru, Muscat kien sejjaħ laqgħa ma’ Robert Abela f’Kastilja biex jikkonvinċih jerġa’ jinnegozja kuntratt ta’ €250 miljun ma’ Steward – bil-media lokali dakinhar tirrapporta li Muscat prattikament ried jagħmilha ta’ sensar hekk kif qal lil Abela li ried jara li l-proġett ta’ privatizzazzjoni tal-isptarijiet jirnexxi… minkejja dak kollu li kien għaddej.

Ftit tax-xhur wara, f’Marzu tal-2020, il-kumpanija Accutor li kellha rabta ma’ dan id-deal, bdiet tħallas l-eluf ta’ ewro f’pagamenti separati lill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat – l-istess persuna li issa ma lissinx kelma dwar dak li Fearne u Carmen Ciantar qed jirreferu għalih bħala “frame-up politiku”.

Silenzju mhux biss minn Muscat iżda, kif solitament issa jagħmel, anke mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà li wara dawn l-allegazzjonijiet kollha fl-aħħar xhur, jidher li kien għadu m’għamel xejn u kellu jkun Fearne personali li jmur għand il-Pulizija biex Gafà forsi jiċċaqlaq.

Tajjeb wieħed ifakkar li l-allegazzjonijiet imbuttati minn Steward, ċioè li b’xi mod Chris Fearne rċieva kickbacks mill-bejgħ tal-passaporti – m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-akkużi ta’ frodi li qed jaffaċċja fil-Qorti l-Eks Deputat Prim Ministru.

Intant, persuni qrib sew taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u li tkellmu ma’ Net News saħqu li la darba l-Partit Laburista qed jieħu bħala vanġelu dak li qed jgħid l-OCCRP f’dan il-każ, għandhom ukoll jemmnu dak li kienu saħqu lura fl-2019 – jiġifieri li Joseph Muscat f’dik is-sena kien l-aktar bniedem korrott fid-dinja.