Lokali

Pajjiżna għandu bżonn Kummissarju tal-Pulizija ġdid u mod ġdid kif jinħatar – PN

Pajjiżna għandu bżonn Kummissarju tal-Pulizija ġdid li jkun igawdi l-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi u li jkun ħieles minn kull indħil politiku. Il-Kummissarju tal-Pulizija ġdid għandu jkun persuna li għandha l-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa, iżda wkoll bid-determinazzjoni u r-rieda li twettaq dmirha mingħajr ma tħares lejn wiċċ ħadd.

Dan sostnewh ix-Shadow Ministers Darren Carabott u Karol Aqulina permezz ta’ stqarrija.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li Angelo Gafà m’għandux jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija. Hu skandaluż li wara erba’ snin fil-kariga, il-Gvern ġedded il-ħatra ta’ Angelo Gafà minkejja l-fallimenti ċari u kontinwi tiegħu fil-ġlieda kontra l-kriminalità, b’mod partikolari dik li tinvolvi politiċi ewlenin f’pajjiżna.

Hu għalhekk ukoll li l-Partit Nazzjonalista qed itenni l-proposta tiegħu li għandu jinbidel il-mod kif issir il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija u dan fis-sens li din għandha tibda ssir mill-President wara riżoluzzjoni tal-Parlament li jkollha favur tagħha l-vot ta’ mill-anqas żewġ terzi tal-Membri Parlamentari.

Fil-jiem li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista se jippreżenta Abbozz ta’ Liġi biex din il-bidla tkun tista’ ssir u b’hekk, il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija tibda ssir:

• wara sejħa pubblika permezz tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku;

• wara li l-persuna nominata tidher quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi;

• mill-President tar-Repubblika; u

• wara riżoluzzjoni li jkollha favur tagħha l-vot ta’ mhux anqas minn żewġ terzi tal-Membri Parlamentari.

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproproni wkoll li l-Kummissarju tal-Pulizija ma jkunx jista’ jitneħħa mill-kariga jekk mhux permezz tal-vot ta’ mill-anqas żewġ terzi tal-Membri Parlamentari f’każ ta’ inkapaċità ppruvata li jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu (kemm jekk għal mard korporali jew mentali jew għal xi raġuni oħra) jew imġiba ħażina ppruvata.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li b’dan il-mekkaniżmu propost, se tkun qed tinħoloq sistema li biha l-persuna maħtura bħala Kummissarju tal-Pulizija tkun tgawdi mill-fiduċja taż-żewġ naħat tal-Kamra bħalma hu diġà l-każ f’numru ta’ karigi oħrajn f’pajjiżna, fosthom il-President, il-Prim Imħallef, l-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u d-Deputat Awditur Ġenerali.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar fin-numru kbir ta’ nuqqasijiet serji tal-Kummissarju Angelo Gafà, li wasslu għal dimotivazzjoni u frustrazzjoni kbira fost l-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija u b’ħafna uffiċjali ta’ esperjenza kbira jitilqu mill-Korp għall-għarrieda. Angelo Gafà naqas ukoll milli jinvestiga u jieħu azzjoni f’każijiet kbar ta’ korruzzjoni, abbuż ta’ poter u ħasil ta’ flus mill-ogħla esponenti tal-Gvern Laburista.