Lokali

Preżentat l-August Moon Ball għal din is-sena

L-Erbgħa filgħodu ġie preżentat l-August Moon Ball ta’ din is-sena – ballu li se jkun l-ewwel wieħed fil-Presidenza ta’ Myriam Spiteri Debono.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton, ġie spjegat kif dan il-ballu sar parti integrali mill-kalendarju soċjali, hekk kif numru ta’ persuni jkunu qed jistennew dan l-avveniment minn sena għal oħra.

Dan il-ballu jsir b’risq il-Malta Community Chest Fund sabiex tkompli tingħata l-għajnuna lil dawk li għaddejjin minn kura għall-kanċer – bħalma spjegatilna l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.

Din is-sena l-ballu se jsir fit-3 ta’ Awwissu li ġej fil-Palazz Verdala bil-parteċipazzjoni tal-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta kif ukoll ta’ Happy Days Dance Studios li se jwasslu spettaklu mill-isbaħ għal dawk li se jattendu.

Wieħed jista’ jixtri l-biljett minn fuq is-sit tal-August Moon Ball u kull biljett jiswa’ €150.

Minn naħa tagħha, il-President appellat sabiex din is-sena jattendu aktar żgħażagħ għal dan il-ballu sabiex titkompla din it-tradizzjoni anke fost il-ġenerazzjonijiet futuri.