Raġel ta’ 28 sena residenti San Ġiljan kellu jittieħed l-isptar Mater Dei wara li baqa’ dieħel f’siġra bil-vann li kien qiegħed isuq.
L-inċident seħħ l-Erbgħa filgħodu għall-ħabta tal-11:15 fi Triq is-Salina meta għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vann bil-konsegwenza li baqa’ dieħel f’siġra. Kelliem għall-Pulizija qal li mhux eskluż li r-raġel tah xi ħaġa u kaġun t’hekk seħħ l-inċident.
Tim mediku mar fil-post sabiex jassisti kif ukoll tim mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex ikunu jistgħu joħorġu lill-vittma mill-vann dan hekk kif kaġun tal-inċident il-vann ġarrab ħsarat estensivi bil-kabina tas-sewwieq spiċċat tgħaffġet.
Ftit tal-ħin wara ambulanza ħadet lis-sewwieq l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>