In-negozjant Pakistani Shaukat Ali Chaudhry ta’ 73 sena tressaq il-Qorti l-Erbgħa filgħodu permezz ta’ ċitazzjoni fejn ġie akkużat b’reati b’rabta mal-ftehim tal-Vitals biex jiġu privatizzati tliet sptarijiet tal-istat. Huwa mifhum li Ali huwa l-allegat moħħ barrani b’rabta ma’ dan id-deal frawdolenti, terminu diġà użat minn żewġ Qrati Maltin.
Huwa ġie akkużat quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello b’tixħim u ħasil ta’ flus, miżapproprjazzjoni, li kien parti minn organizzazzjoni kriminali u li ħa sehem attiv fiha, u li uża l-influwenza tiegħu biex jikseb favuri jew trattament preferenzjali fost reati oħra.
Mistoqsi mill-Qorti x’kien qed iwieġeb għal dawn l-akkużi li huma reati mill-aktar serji, Shaukat Ali qal li mhux ħati. Mistoqsi fejn qed jgħix f’Malta, qal li qed jirresiedi Tignè Point. Akkużi oħra saru fil-konfront ta’ żewġ kumpaniji li huma tiegħu – Mount Everest FZ u Global Assets Holding Limited.
In-negozjant qed ikun rappreżentat fil-Qorti mill-avukati Shazoo Ghaznavi u Jessica Formosa. Hemm aktar kumpaniji involuti mal-akkużat imma dawn għadhom ma ġewx notifikati u se jkunu akkużati fi stadju ieħor tal-proċeduri.
Ali kien il-moħħ wara l-ftehim u allegatament għamel diversi miljuni ta’ ewro mill-ftehim tal-isptarijiet li ġie annullat kemm mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, kif ukoll mill-Qorti tal-Appell. Dawn sabu li ma ntlaħqux l-obbligi kuntrattwali f’dan id-deal. Il-Qorti sabet ukoll li l-ftehim kien imċappas minn frodi u kollużjoni.
Dokumenti li nkisbu mill-investigaturi wrew l-għadd kbir ta’ rabtiet tiegħu mal-ftehim tal-isptarijiet. Martu kienet direttur tal-kumpanija ta’ Vitals, Bluestone Investments. Ibnu qed jiffaċċja wkoll akkużi kriminali u li għamel flus billi pprovda IT u servizzi oħra lill-isptarijiet. Ali nnifsu sar konsulent tal-Vitals u ngħata kuntratt ta’ €100,000 fix-xahar.
Il-prosekuzzjoni qed titlob ukoll biex jiġu ffriżati fil-konfront tiegħu personali s-somma ta’ €30 miljun; is-somma ta’ €5 miljun kull wieħed lil Mount Everest FZ LLC u Mount Everest General Trading LLC; €9 miljun lill-kumpanija VGH Europe AG, u s-somma ta’ €100,000 kull wieħed lill-kumpaniji Mount Everest Investments Limited u STE Health Co.
L-Ispettur tal-FCID Wayne Rodney Borg xehed fil-qosor dwar il-każ fejn qal li hu ġie assenjat biex jassisti lil Maġistrat Gabriella Vella fl-inkjesta tal-Vitals/Steward. “Ir-rwol tiegħi kien dejjem li ngħinha billi nsejjaħ lill-persuni kollha meħtieġa li kellhom bżonn jixhdu f’inkjesta bħal din,” qal ix-xhud.
Intant, aktar tard il-Pulizija ressqet ukoll lil mara ta’ Shaukat Ali, Aasia Shaukat Parveen ta’ 52 sena, mixlija b’akkużi simili għal dawk ta’ żewġha. Il-mara li wkoll hija mill-Pakistan, qalet li hija mara tad-dar u bħal żewġha wieġbet mhux ħatja tal-akkużi kollha miġjubin kontriha.
Bħalma għamlet fil-każ ta’ Shaukat Ali, l-prosekuzzjoni għamlet talba lill-Qorti, għall-ħruġ ta’ ordni ta’ qbid u ffriżar bis-somma tkun dik ta’ €20 miljun . Bħalma sar fil-konfront ta’ żewġha, id-difiża oġġezzjonat għal din it-talba. Il-kawżi jkomplu fil-11 ta’ Lulju fid-9am.
Wasay Bhatti akkużat b’tixħim
Sadanittant, prattIkament fil-ħin li kienu qed jitressqu l-koppja, persuna oħra marbuta mal-ftehim tal-Vitals u allegata korruzzjoni tressqet f’awla separata, biex jiffaċċja akkużi simili. Wasay Attaoul Bhatti, avukat imwieled l-Indja u bbażat fl-Iżvizzera, ġie mixli b’ħasil ta’ flus, konfoffa kriminali, tixħim, miżapproprjazzjoni, frodi u reati oħra relatati.
Bhatti jinsab akkużat kemm fil-kapaċità personali tiegħu kif ukoll bħala rappreżentant ta’ Accutor AG u Spring Healthcare Services AG, żewġ kumpaniji Żvizzeri maħsuba li ntużaw mill-konċessjonarji tal-isptar bħala parti minn fond politiku slush.
Meta mistoqsi mill-Maġistrat Leonard Caruana x’qed iwieġeb għall-akkużi miġjubin kontrih, ir-raġel qal li ma kienx ħati. Il-prosekuturi qalu li Bhatti għen biex jiffaċilita l-ħlasijiet tat-tixħim lill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, lill-Eks Ministru Konrad Mizzi u lill-Eks Chief of Staff tal-OPM Keith Schembri.
Tennew ukoll li hu għen ukoll lil Shaukat Ali u lil magħruf suspettat tiegħu wkoll involut mal-kumpanija Vitals, Sri Ram Tumuluri, li permezz tal-influwenza tagħhom iffaċilitaw it-tixħim u l-korruzzjoni. Tumuluri jinsab ukoll lest li jiffaċċja akkużi kriminali, iżda l-prosekuturi qalu lill-Qorti li ma setgħux isibuh biex jinnotifikawh b’taħrika fil-Qorti.
Il-prosekuturi talbu ordni ta’ ffriżar ta’ €9 miljun fuq l-assi ta’ Bhatti, liema talba li l-avukati tiegħu Shazoo Ghaznavi, Jessica Formosa, Alex Scerri Herrera u Jeanine Depasquale oġġezzjonaw għaliha.
Ftit tax-xhur ilu ġiet konkluża investigazzjoni maġisterjali dwar il-ħtija kriminali marbuta mal-ftehim. L-investigaturi ressqu akkużi kriminali kontra għexieren ta’ persuni b’riżultat ta’ dik l-inkjesta, fosthom l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-Eks Ministru Konrad Mizzi, l-Eks Chief of Staff tal-OPM Keith Schembri, il-Ministru Chris Fearne u l-Eks Ministru tal-Finanzi u Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna, fost oħrajn. L-akkużati kollha qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Francesco Refalo, Shelby Aquilina u Rebekah Spiteri f’isem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, kif ukoll mis-Supretendent Hubert Cini u l-Ispettur Wayne Rodney Borg.
L-investigaturi emmnu li l-familja ta’ Shaukat Ali ġiet ippremjata bi ħlasijiet ta’ konsulenza kbar meta Steward kellu jieħu f’idejh lil Vitals bħala konċessjonarji tal-isptar – madwar €480,000 b’mod globali.
Il-ħlasijiet lil Shaukat Ali saru ġimagħtejn qabel Steward Healthcare International – il-fergħa internazzjonali li ħadet f’idejha l-konċessjoni – iffirma memorandum ta’ ftehim mal-gvern biex jieħu f’idejh il-konċessjoni tal-isptarijiet.
Proprju t-Tlieta li għaddew, maġistrat iddeċieda li iben Shaukat Ali, Shaukat Asad Ali, jista’ jgħaddi ġuri wara li ddeċieda li hemm biżżejjed prima facie biex jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.
//= $special ?>