EURO 2024 Sport

“Urejna reazzjoni kontra r-Rumanija” – Cody Gakpo

(Ritratt: EPA)

L-attakkant Olandiż Cody Gakpo qal li l-Olanda wettqu reazzjoni u wrew l-abbiltà kollha tagħhom fir-rebħa ta’ 3-0 kontra r-Rumanija fil-partita mill-fażi tal-aħħar 16.

Gakpo rebaħ ukoll il-plejer tal-partita fejn kien ukoll wieħed mill-iskorers f’din ir-rebħa. It-tim Olandiż fl-aħħar jiem kien kritikat ferm għall-mod ta’ kif kien qed jilgħab b’mod speċjali wara t-telfa ta’ 3-2 fl-aħħar partita tal-grupp kontra l-Awstrija.

Il-plejer ta’ Liverpool li kellu staġun xi ftit diżappuntanti mal-klabb tiegħu qal li t-tim Olandiż lagħab partita b’agressjoni u intensità għolja kif ukoll iddefendew b’mod solidu.

L-Olanda jinsabu mal-aħħar tmien timijiet fil-Kampjonati Ewropej sa mill-2008 b’Gakpo jgħaid li din kienet waħda mill-edizzjonijiet li hu bħala tifel kien segwa b’reqqa.

It-tim ta’ Ronald Koeman fetaħ l-iskor kmieni fil-partita u skorja darbtejn oħra lejn it-tmiem biex wittà t-triq għal rebħa ta’ 3-0 fuq ir-Rumanija.