Lokali

Żewġ għaqdiet iwissu dwar in-nefqa fil-Festival tal-Film

Żewġ għaqdiet ġibdu l-attenzjoni dwar in-nefqa li tlaħħaq it-€8 miljun fuq żewġ festivals tal-films, filwaqt li l-produtturi lokali ma setgħux jaċċessaw l-ebda finanzjament tal-Gvern.

Fi stqarrija konġunta, il-Malta Producers’ Association (MPA) u l-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA) qalu li l-Gvern għadu ma wettaqx il-wegħda elettorali tiegħu li jżid il-baġit tal-Fond Nazzjonali tal-Films għal €2 miljun.

Il-budget attwali ta’ €1 miljun “jew inħareġ bl-addoċċ jew ma jinħareġ xejn tul is-snin” żiedu jgħidu.

Kelliem għall-MEIA spjega li l-aħħar darba li nħareġ il-fond kien f’Diċembru 2022 u li l-finanzjament kien dam sa Ġunju tas-sena l-oħra. Minn dakinhar, Screen Malta (li qabel kienet Malta Film Commission) ospitat żewġ festivals tal-films.

L-edizzjoni ta’ Ġunju 2023 tal-Mediterrane Film Festival swiet €3.8 miljun. Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li l-festival ta’ din is-sena – li spiċċa nhar il-Ħadd li għadda – sewa madwar €3.9 miljun.

Fil-perjodu bejn dawn iż-żewġ avvenimenti, il-produtturi tal-films ma setgħux jaċċessaw l-ebda finanzjament tal-Gvern.