Lokali Parlament

1,855 mistoqsija parlamentari mhux imwieġba mill-2017

Mill-2017 ‘l hawn, il-ministeri tal-gvern naqsu milli jwieġbu 1,855 mistoqsija parlamentari.

Dan jirriżulta minn tweġiba parlamentari li ta l-Ispeaker Anġlu Farrugia għal mistqosijijiet parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said. L-Ispeaker ikkonferma li fil-leġiżlatura bejn l-2017 u l-2022 kien hemm 961 mistoqsija parlamentari mhux imwieġba waqt li f’din il-leġiżaltura li bdiet fl-2022, s’issa, diġà hemm 894 mistoqsija parlamentari mhux imwieġba.

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said staqsa lill-Ispeaker Anġlu Farrugia jgħid matul il-leġiżlatura 2017-2022, kemm kien hemm mistoqsijiet parlamentari li qatt ma ġew imwieġba, jew kienu mwieġba b’mod li tweġiba se tingħata f’seduta oħra, jew li għadha qed tinġabar l-informazzjoni u biex jagħti lista għal kull ministru konċernat.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia wieġeb li fit-tmiem it-13-il leġiżlatura kien hemm 961 mistoqsija parlamentari li t-tweġiba għalihom kienet li t-tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra jew li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Dawn id-961 mistoqsija parlamentari jinsabu maqsuma skont il-Ministeru hekk:

Uffiċċju tal-Prim Ministru 45
Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija 90
Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli 39
Ministeru għall-Edukazzjoni 28
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej 32
Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji 39
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi 70
Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza 37
Ministeru għat-Turiżmu 44
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar 52
Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru 19
Ministeru għas-Saħħa 31
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali 87
Ministeru għal Għawdex 121
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali 122
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali 13
Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali 21
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali 53
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja 6
Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva 9
Ministeru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 3
Total 961

Għal mistoqsija parlamentari oħra tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said, li staqsa lill-Ispeaker jgħid kemm hemm mistoqsijiet parlamentari li saru f’din il-leġiżlatura li ma kinux ingħataw tweġiba jew ġew imwieġba bil-mod li se jiġu mwieġba f’seduta oħra, jew meta tinġabar l-informazzjoni, l-Ispeaker Anġlu Farrugia wieġeb li mill-bidu tal-14-il leġiżlatura sat-28 ta’ Ġunju 2024 kien hemm 894 mistoqsija parlamentari li t-tweġiba għalihom kienet li t-tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra jew l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Dawn it-894 mistoqsija parlamentari jinsabu maqsuma skont il-Ministeru hekk:

Uffiċċju tal-Prim Ministru 35
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali 37
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ 8
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali 59
Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal 97
Ministeru għall-Ekonomija, Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi 35
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli 15
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat 9
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi 104
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar 51
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol 30
Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika 89
Ministeru għall-Ambjent u l-Enerġija 38
Ministeru għall-Finanzi 21
Ministeru għall-Edukazzjoni 98
Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali 41
Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni 34
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva 93
Total 894