Lokali

Bdiet l-esperjenza ta’ Gabriel Micallef bħala Sindku ġdid tal-Mellieħa

Fi tmiem il-ġimgħa ntlaħaq ftehim bejn il-kunsillieri lokali eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-Mellieħa u l-kunsillier indipendenti Matthew Borg Cuschieri sabiex jiġi assigurat li tkun riflessa x-xewqa tal-Melliħin kif espressa fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsill Lokali. Dan il-ftehim wassal biex il-kunsillier tal-PN Gabriel Micallef jiġi maħtur Sindku u l-kunsiellier indipedenti Matthew Borg Cuschieri jiġi maħtur Viċi Sindku għall-ħames snin li ġejjin.

Din se tkun l-ewwel esperjenza ta’ Gabriel Micallef bħala Sindku ta’ din il-lokalità, hekk kif il-PN irnexxielu jaqleb il-maġġoranza fil-Mellieħa u jiskeb l-akabr ammont ta’ voti fl-elezzjonijiet għall-kunsilli lokali li għaddew..

F’kummenti ma’ Net News, is-Sindku tal-Mellieħa Gabriel Micallef elenka l-isfidi li għandha din il-lokalità u l-pjan li jaħdmu flimkien bħala tim għall-ġid tal-Melleħin kollha.

Intant, il-kunsillieri lokali tal-Mellieħa qablu li se jkun qiegħed jiġi implimentat il-programm elettorali li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista għall-Kunsill Lokali tal-Mellieħa filwaqt li se jaraw li kull proposta oħra li saret matul il-kampanja elettorali tiġi kkunsidrata għall-ġid tal-lokalità.

Il-Partit Nazzjonalista awgura lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fil-ħidma tiegħu b’risq il-komunità. Il-Mellieħa huwa biss wieħed minn diversi bliet u rħula fejn inqalbet il-maġġoranza fl-aħħar elezzjoni favur il-PN. Mal-Mellieħa, hemm ukoll il-Mosta, is-Siġġiewi, San Pawl il-Baħar, San Ġwann u anke l-Imsida. Dan apparti li l-Partit Laburista tilef ukoll il-Kunsill ta’ Ħaż-Żebbuġ.