Sport

Bormla Subbuteo Club telgħu fl-ewwel post fir-ranking dinji tal-klabbs

Bormla Subbuteo Club telgħu fl-ewwel post fir-ranking dinji tal-klabbs fi ħdan il-Federazzjoni Internazzjonali Sport Table Football. Dan tħabbar uffiċjalment minn Josef Camilleri, Segretarju tal-klabb, ġranet wara s-suċċess miksub fil-Greċja.

Bormla Subbuteo Club wasal sal-finali tat-tournament ewlieni f’Ilioupoli, f’Ateni, il-Greċja. Il-finali  ntemmet 1-1 b’differenza żvantaġġ ta’ gowl. Kienet l-ewwel finali f’tournament ewlieni u 12-il podju matul l-2024. Sabiex waslu sal-finali, Bormla rebħu Grupp u wara li għelbu lil Glyfada Grecja  4-0, Tim B Subbuteurs Greġja 4-0, u Olympia Grecja 3-1 .

Fil-kwartifinali għelbu lil Atlas Greċja 2-0 biex fis-semifinali ltaqgħu kontra Bologna Tigers. Wara li fl-ewwel taqsima Bologna fetħu vantaġġ ta’ 4 – 0, fit-tieni taqsima Bormla għamlu l-iskor 4 – 4 biex għaddew għall-finali.

Għal Bormla Subutteo Club lagħbu Charles Aquilina (captain), Jason Pisani li wasal sas-semifinali fil-kategorija Veterani, Bessim Golger li wasal sal-finali fil-Kategorija Open, John Zammit u Josef Camilleri .