Lokali

Is-CEO tal-Labour “issuġġerixxa li d-deputati m’għandhomx jagħtu rendikont dwar il-proprjetà” – Debattista jiċħad dak li allega Gafà

Tkompli teskala s-sitwazzjoni ta’ ġlied intern fil-qalba tal-Labour, bil-Kap Eżekuttiv Randolph Debattista jibqa’ fil-mira tal-klikka ta’ Muscat. Bl-esponent ewlieni Neville Gafà jibqa’ jattakka lis-CEO tal-Labour, u l-manuvri li wettaq wara erba’ ħitan.

Fl-aħħar sigħat, Gafà allega li l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista ppropona li jkun hemm aktar ħabi fuq l-assi tad-deputati Parlamentari.

Neville Gafà qed jgħid li Randolph Debattista ta parir lill-Grupp Parlamentari Laburista sabiex il-Membri Parlamentari ma jagħtux rendikont dwar l-istatus tal-proprjetà tagħhom.

Iżda wara li ġiet ippubblikata din l-aħbar fuq NetNews.com.mt, is-CEO tal-PL irreaġixxa fuq il-media soċjali.

Randolph Debattista qed jgħid li din hija allegazzjoni li diġa’ ħarġet fil-passat. Fil-fatt, dawn huma stejjer simili għal dak li kien deher f’April fuq siti online.

Debattista, b’mod mill-aktar dirett, qed jiċħaq l-allegazzjonijiet ta’ Neville Gafà.

Dan huwa dak li kiteb Neville Gafà

Randolph De Battista jippontifika ruħu tal-paladin tal-politika nadifa.

Iżda meta jkun bejn erba’ ħitan, fejn mingħalih dak li se jgħid jew jissuġġerixxi mhux se jasal hemm barra, il-fehmiet tiegħu jkunu ferm differenti.

Waqt Grupp Parlamentari ta’ ftit xhur ilu, Randolph De Battista ssuġġerixxa li dwar id-Dikjarazzjoni tal-Assi, il-Membri Parlamentari m’għandhomx għaliex jagħtu rendikont dwar l-istatus tal-proprjetà tagħhom.

Bosta Membri Parlamentari li ltqajt magħhom matul dawn il-ġimagħtejn ilkoll urew l-għadab tagħhom għal dak li ppropona l-Onor. De Battista.

Onor. De Battista, x’inhi r-raġuni għaliex int tajt parir lill-Grupp Parlamentari sabiex il-Membri Parlamentari ma jagħtux rendikont dwar l-istatus tal-proprjetà tagħhom?

Prosit għalik!

Ma nagħmlux mod li qed tikri xi proprjetà u li sal-lum għadha mhix reġistrata li qed tinkera hux?

Jekk hu minnu, kemm-il proprjetà għandek li qed tikri u mhux reġistrati?

Dan huwa Randolph De Battista li wiegħed lealtà lejn il-poplu u r-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha.