Jose Luis Melchor, Spanjol ta’ 33 sena, wieġeb mhux ħati li kiser ordni ta’ sekwestru meta trasferixxa flus f’isem il-kumpanija lil wieħed mill-klijenti tagħhom. Melchor, residenti Ġibiltà, tressaq il-Qorti fuq ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u kien jaħdem fit-taqsima tal-finanzi mal-istess kumpanija.
Il-prosekuturi qalu li meta l-kumpanija saret taf bil-ksur tal-ordni ta’ sekwestru, keċċiet lir-raġel mill-impjieg. Ir-raġel beda jibgħat emails lill-kumpanija b’theddid li jekk ma jagħtuhx kumpens ta’ €44,000 talli tterminawlu l-impjieg tiegħu, huwa kien se jippubblika informazzjoni sensittiva li akkwista waqt li kien fil-kariga ta’ ‘complaince officer’.
Huwa ġie mixli li kkonverta jew ittrasferixxa propjetà meta kien jaf li din kienet ġejja minn attività kriminali. Huwa ġie mixli wkoll li kien kompliċi f’din l-attività u li żvela informazzjoni senstitiva permezz ta’ diversi atti kontra l-liġi.
Ġie mixli wkoll li bħala uffiċjal pubblika uża l-pożizzjoni tiegħu biex jagħmel theddid biex jirċievi flus mhux dovuti għal gwadan personali tiegħu u li wettaq rikatt biex jasal għal miri malinni tiegħu. Akkużat ukoll li mingħajr awtorizzazzjoni għamel użu minn kompjuter jew tagħmir ieħor biex jiffaċilità l-kummissjoni tal-offiżi li ried iwettaq.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-biża’ tal-ħarba. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistart Nadia Helena Vella, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ħarget ordni ta’ qbid u ffriżar bis-somma ta’ €2,044,000 fil-konfront tal-imputat.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukati Kenneth Camilleri u Daniel Vancell f’isem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi Lianne Bonello u Marcus Cachia. L-avukati Morris Meli u Stefano Filetti dehru bħala parte civile fil-każ. Għall-akkużat dehru l-avukati Joe Giglio u Michaela Giglio.
//= $special ?>