Internazzjonali

Il-Ġamajka: L-Uragan Beryl ikompli bl-avvanz qerriedi mill-Karibew

Mijiet tal-eluf tad-djar fil-Ġamajka, fl-aħħar sigħat, spiċċaw mingħajr dawl b’riżultat tal-maltemp mill-Uragan Beryl li ħalla ‘widien sħaħ ta’ qerda’ tul ir-reġjun tal-Karibew u fejn anki rriżultaw tal-anqas għaxar vittmi.

Il-maltemp  straxxna zoni sħaħ mal-kosta tal-Ġamajka lejn in-Nofsinar u waqt li kien irreġistrat bħala uragan ta’ kategorija erbgħa – li jfisser  li dan hu anki l-aktar uragan b’saħħtu li qatt laqat dan il-pajjiż mill-bidu tas-seklu.

Waqt il-maltemp spikkaw aktar minn 12-il siegħa konsekuttivi ta’ xita u fost l-inkwiet dwar inċidenzi ta’ għargħar konsistenti fil-Ġamajka. Fil-fatt, l-awtoritajiet madwar il-Ġamajka wissew lin-nies biex jirrispettaw il-kriterji ta’ curfew fiċ-ċirkustanzi u fost l-allerts għall-għargħar magħrufin bħala ‘flash floods’. Dan ukoll meta kienu għadhom isiru l-kalkoli tal-ħsarat fid-djar u fl-infrastruttura b’kaġun tal-Uragan Beryl.

L-aħħar rapporti, sadanittant, qalu li l-uragan seta’ kien qed inaqqas mill-intensità f’ħin meta kien għaddej fuq l-artijiet tal-Ġamajka u fid-direzzjoni tal-Gżejjer Cayman u l-Messiku. Dan wara r-riżultati devastanti tal-maltemp tal-aħħar jiem fil-gżejjer ta’ Grenada u St Vincent and the Grenadines, kif ukoll fl-artijiet lejn in-naħa ta’ fuq tal-Veneżwela.