B’dispjaċir kbir D’Amato Records ħabbru li t-tabella tagħhom ta’ wara l-bieb li kienet ilha mwaħħla minn wara t-tieni gwerra dinjija, sfat milquta minn crane li kien qed jagħmel xi xogħol ta’ kostruzzjoni fil-viċinanzi.
D’Amato qal li sfortunatement ninsabu f’sitwazzjoni fejn f’pajjiżna ħadd ma jimpurtah u ħadd ma jinteresaħ, waqt li s-settur tal-kostruzzjoni jibqa’ jeqred lil dan il-pajjiż.
Din it-tabella tal-HMS (His Master’s Voice), kienet parti integrali mill-Belt Valletta hekk kif kienet l-eqdem tabella tat-tip tagħha fid-dinja.
D’Amato, is-sid tal-eqdem ħanut tad-diski mhux biss f’Malta imma fid-dinja, qal li hu jinsab taħt xokk kbir u għandu l-ħsieb li jagħmel rapport lill-Pulizija hekk kif hemm ċans kbir li l-ħsara li saret lit-tabella hija ħsara irreparabbli.
Dan wara li skont kummenti li D’Amato ta lit-Times of Malta, il-kuntrattur responsabbli mill-ħsarat li saru mhux talli ma skużax ruħu, talli meta sid il-ħanut għamel kuntatt miegħu, wieġeb biss li ‘żgur li kienet tiswa’ ħafna flus’.
//= $special ?>