Għalkemm ir-Rumanija sfat eliminata mill-Euro 2024 b’telfa ta’ 3-0 kontra l-Olanda, il-ġest wara l-partita wassal għal diversi kummenti pożittivi. Dan hekk kif f’ritratti li anki xxandru fuq il-mezzi soċjali tal-UEFA, urew kif ir-Rumeni ħallew il-kamra fejn ibiddlu f’kundizzjoni tajba ħafna filwaqt li ħallew ittra lill-organizzaturi Ġermaniżi.
Fl-ittra ntqal kif l-Euro 2024 kien għalihom waħda mill-aktar esperjenzi importanti tal-futbol li għexu u jinsabu kuntenti li l-edizzjoni fejn għexu dawn il-mumenti kienet il-Ġermanja. “Kull logħba, kull emozzjoni, kull esperjenza ġabitna aktar magħqudin u ġiegħlet lilna nħossu aktar il-maġija tal-futbol.”
“Se nħallu l-Ġermanja bi ħsieb li tajna kollox għar-Rumanija u aħna grati ta’ dak kollu li esperjenzajna f’dawn il-ġimgħat hawn. Kien ta’ unur li nkunu parti mill-familja mill-aqwa tal-futbol Ewropew,” bl-ittra tiġi ffirmata wkoll f’isem it-tim nazzjonali Rumen.
Il-partitarji tal-futbol faħħru l-ġest tar-Rumeni li naddfu l-kamra tagħhom kif ukoll tal-ittra li ħallew warajhom. Il-UEFA wkoll sellmet lir-Rumanija u fir-ritratti li qassmet fuq il-media soċjali sejħet lir-Rumeni bħala l-mistiedna perfetti.
Din l-edizzjoni kienet l-aħjar waħda għar-Rumanija f’kompetizzjoni maġġuri f’24 sena. It-tim ta’ Edward Iordanescu rebaħ Grupp E biex għadda mal-aħħar 16. Il-partitarji tar-Rumanija kienu numerużi f’din l-edizzjoni u saħansitra l-partitarji baqgħu għal ħin twil wara t-tisfira finali wara t-telfa kontra l-Olanda biex iċapċpu lill-plejers tagħhom.
//= $special ?>