Internazzjonali

Il-Libanu: L-akbar baraxx ta’ missili mill-Ħeżbollah fuq Iżrael

Il-grupp Ħeżbollah tal-milizji Lebaniżi Xiti ftit tal-ħin ilu spara ‘l fuq minn 200 missila u drones lejn il-villaġġi u bliet fin-naħa ta’ fuq ta’ Iżrael. L-attakk seħħ bi tpattija għall-qtil, f’nofs il-ġimgħa, ta’ wieħed mill-ogħla kmandanti tal-Ħeżbollah mill-qawwiet Iżraeljani.

Jidher, intant, li nqatlu wkoll xi militar Iżraeljani fil-baraxx tal-missili – u bil-bumbardamenti anki jikkaġunaw ammont ta’ nirien.

Dan wassal għal ritaljazzjoni mill-qawwiet Iżraeljani li fil-preżent qed jimmiraw għall-istrutturi militari u miri oħrajn tal-Ħeżbollah fin-naħa t’isfel tal-Libanu. Anki hawnhekk jidher li kien hemm il-vittmi fost ir-rapporti dwar xi nies maqtula fil-belt ta’ Houla.

Il-burraxka tal-missili sparata mill-Ħeżbollah hi fost l-akbar bumbardamenti ta’ Iżrael min-naħa tal-Libanu tul l-aħħar għaxar xhur ta’ vjolenza bejn il-milizji Xiti alleati mal-Iran u l-Armata Iżraeljana – Iżraeljani għandhom jispiċċaw f’konflitt kbir ieħor minbarra dak fil-Medda ta’ Gaza.

Il-Kmandant tal-Ħeżbollah li tilef ħajtu waqt attakk mill-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, kien jismu Mohammed Nimah Nasser u li kien wieħed mill-aktar kapijiet influwenti mal-Ħeżbollah. Nasser tilef ħajtu fil-belt ta’ Tyre, bil-kelliema Iżraeljani jgħidu li hu kien jikkmanda taqsima tal-Ħeżbollah li għandha sehem attiv fl-isparar tal-missili lejn Iżrael u meta anki kien jieħu ħsieb ta’ ‘diversi attakki terroristiċi’ kontra l-Iżraeljani.