Lokali

Il-maratona ‘L-Aħħar Pass’ b’risq Hospice Malta

L-organizzazjoni Hospice Malta, li hija dedikata biex tipprovdi servizzi ta’ kura palljattiva b’xejn lil pazjenti li jkunu għaddejin minn kura kontra l-kanċer u anke appoġġ lill-familji tagħhom, se tkun qed torganizza maratona ġbir ta’ fondi bit-titlu ‘L-Aħħar Pass’. Dan sabiex jinġabru l-fondi ħalli jitlesta l-kumpless St Michael Hospice, bl-inawgurazzjoni mistennija issir f’Settembru ta’ din is-sena.

St Michael Hospice se jkun l-ewwel kumpess f’Malta li joffri kura palljattiva, b’faċilitajiet u servizzi li jingħataw fil-kumpless stess. Dan kollu huwa ferm bżonnjuż, hekk kif kull sena il-Hospice tgħin madwar 1,500 familja li jmissu mal-kanċer.

Matul din il-maratona, il-pubbliku se jkollu l-opportunita isegwi stejjer u intervisti li juru l-impatt pożittiv tas-servizzi tal-Hospice Malta, kif ukoll l-importanza li jitlesta il-kumpless ta’ St Michael Hospice.

Waħda mill-istejjer li se tixxandar waqt il-maratona se tkun dik tal-preżentatriċi Monica Attard, li ħallietna aktar kmieni din is-sena.

Monica Attard kienet personalità ta’ Net FM u Net Television.

It-tifel tagħha Chris Mintoff qasam ma’ kulħadd aspetti sbieħ mill-ħajja ta’ Monica Attard, kif ukoll iddeskriva l-aħħar ftit xhur ta’ ħajjitha – xhur li kienu jkunu ferm iżjed diffiċli kieku ma kienx hemm l-għajnuna ta’ Hospice Malta.

Il-maratona tal-Hospice se tixxandar b’mod dirett mis-St Michael Hospice f’Santa Venera nhar il-Ħadd is-7 ta’ Lulju fuq Net Television bejn il-11am sal-11pm.