Lokali

Il-President iżżur l-Arkivju Nazzjonali

Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono żaret l-Arkivji Nazzjonali fejn iltaqgħet mal-impjegati u l-voluntieri li jgħinu f’dan iċ-ċentru, u mal-amministrazzjoni tal-Arkivju, li huwa mmexxi minn Charles Farrugia, fejn ġie spjegat lilha d-diversi sezzjonijiet u x-xogħol li dawn jagħmlu.

Ġie enfasizzat mit-tmexxija l-urġenza li jkun identifikat sit sabiex jinbena arkivju nazzjonali skont l-aqwa kriterji fil-qasam tal-arkivjar ħalli jkunu salvagwardjati d-dokumenti li jiġbru l-istorja u l-memorja kollettiva tal-Maltin.

L-Arkivju Nazzjonali fih ammont kbir u imprezzabbli ta’ dokumenti storiċi. Hemm ukoll notamenti antikissimi, riċerki u anke ritratti relatati primarjament mal-istorja ta’ Malta. 

L-istess Arkivju jagħmel ukoll xogħol ta’ konservazzjoni, preservazzjoni u katalogar. 

Waqt din iż-żjara, il-President ta’ Malta fehmet id-diffikultajiet li l-amministrazzjoni tal-Arkivji Nazzjonali qed tiffaċċja fix-xogħol tagħha, u qablet li għandu jkun provdut sit idoneu u adegwat sabiex anke  jinstab aktar spazju li kull sena jeħtieġ jiżdied minħabba dokumenti ġodda.

Il-President Spiteri Debono saħqet ukoll fuq il-bżonn li d-dokumenti ma jibqgħux f’siti differenti iżda jkunu miġbura f’post wieħed.