Fl-Isptar Mater Dei, is-sitwazzjoni hija waħda traġika – jekk mhux katastrofika. Il-Gvern mhu jgħid xejn. It-tobba u l-infermiera qed jitħallew weħidhom. U l-pazjenti qed jispiċċaw vittmi ta’ dan kollu.
Net News tkellem ma’ numru ta’ tobba kif ukoll staff fl-Isptar Mater Dei li kkonfermawlna kif is-sitwazzjoni bħalissa hija “l-istess bħall-agħar żmien tax-xitwa”. Dan għaliex il-kuruturi huma mimlija nies, filwaqt li fl-Emerġenza mhux ilaħħqu.
Sorsi oħra qalulna li anke xi operazzjonijiet kellhom jiġu posposti.
“Il-verità hi li m’hemmx sodod. Il-popolazzjoni splodiet. U biex tgħaxxaq hawn ħafna każi ta’ Covid”, qalilna wieħed mit-tobba li tkellem magħna.
Infermier f’Mater Dei qalilna li huma bħala staff jinsabu rrabjati immens għaliex fl-isptar litteralment m’hemmx post. “Mela tajjeb – l-ewwel ħallewna mingħajr St Luke’s u mingħajr investiment f’Mater Dei, u issa jriduna nagħmlu l-mirakli!”
Diversi esperti mediċi u konsulenti rreferew għall-fatt li bħala pajjiż ħriġna €400 miljun għall-frodi tal-Vitals u Steward. “Iżda biex investejna f’aktar sodod ma sibniex ċenteżmu.”
//= $special ?>