“Dan it-trattament inuman huwa ksur fundamentali tad-drittijiet umani.”
Kien dan is-sentiment espress mill-Professur Andrew Azzopardi fi stqarrija ffirmata minnu wara informazzjoni li qed tasal lilu dwar iċ-ċirkustanzi inumani li qed jaffaċċjaw il-ħabsin, f’Kordin.
Fl-istqarrija huwa spjega li t-temperatura fiċ-ċelel jaf titla’ ‘l fuq minn 30 gradi celcius f’ċertu waqtiet, u dan ftit jiem qabel heat wave li qed tiġi mistennija li taħkem lill-pajjiżna.
Hu spjega li f’ċertu ċelel fil-ħabs ta’ Kordin lanqas hemm ħjiel ta’ ventilazzjoni u jekk dan kollu huwa minnu, huwa stqarr li din hija sitwazzjoni inumana.
Fid-dawl ta’ dan huwa qed jagħmel 10 rakkomandazzjonijiet, li huma li jibda x-xogħol fuq tibdil ta’ dawl u installazzjoni ta’ air conditioning systems; isir tqassim ta’ ilma kiesaħ matul l-iljieli filwaqt li jiġu installatai fridges zgħar f’kull ċella li jassiguraw ilma frisk.
Huwa rrakkomanda wkoll illi dawk il-priġunieri li għandhom problemi tas-saħħa, jitqiegħdu f’diviżjonijiet li diġà hemm air condition, filwaqt li insista li għandhom jitqassmu wkoll fan coolers fiċ-ċelel li jkunu fornuti bis-silġ matul il-lejl sabiex jaħdmu fil-massimu tagħhom.
Il-Professur enfasizza wkoll l-importanza li fejn hemm bjut u ħitan, dawn jiġu mxarrba kull filgħaxija sabiex tonqos is-sħana fejn jiġu installati wkoll materjal li jnaqqas is-sħana bħal reflective roofing, artifical turf u thermal insulation fuq is-soqfa bla dewmien. Irrakkomanda wkoll li jiġu installati termometri elettroniċi fiċ-ċelel biex meta jkun hemm żieda sostanzjali fit-temperatura jingħataw arranġamenti alternattivi.
Fl-istqarrija tiegħu, Andrew Azzopardi spjega li fil-ħabs ta’ Kordin għandu jiġi mqassam aktar frott frisk tas-sajf, filwaqt li l-bibien taċ-ċelel jinbidlu minn steel plated għal barred doors fejn jiġi installat ġeneratur li miegħu jista’ jitqabbad air condition fil-landing tad-diviżjonijiet sabiex tidħol arja friska.
Il-Professur iżid li fejn hemm aktar minn persuna waħda fiċ-ċella, tinsab alternattiva biex ikun hemm persuna waħda biss bil-kunċett ta’ tagging li ilu jitwiegħed żmien. Dan filwaqt li rrakkomanda li ċ-ċelel ma jingħalqux daqstant kmieni u jinfetħu aktar kmieni filgħodu sabiex il-priġunieri jkunu jistgħu joqogħdu fid-diviżjoni iżda mhux magħluqa fis-sħana fejn stqarr ukoll li s-solitary confinement għandu jitwaqqaf immedjatament.
Huwa għalaq l-istqarrija tiegħu billi spjega li dan it-trattament huwa wieħed inuman u għaldaqstant huwa ksur fundamentali tad-drittijiet umani. Filwaqt li enfasizza li fid-dawl ta’ dan kollu għandu lkoll jiġi mħares il-benesseri tal-ħaddiema tal-ħabs ta’ Kordin.
//= $special ?>