Internazzjonali

Iżrael: Jeżaminaw ‘l-ideat’ tal-Ħamas għal waqfien mill-ġlied

Il-Mexxejja ta’ Iżrael, fl-aħħar sigħat, kienu qed janalizzaw it-tweġiba tal-grupp terroristiku Ħamas għall-pjan intiż għall-waqfien mill-ġlied f’Gaza, skont kif imfassal mill-President tal-Istati Uniti, Joe Biden,

Dan wara li t-tmexxija politika tal-Ħamas qalet li  kkuntattjat lill-Eġittu u lill-Qatar, bħala l-medjaturi ewlenin, biex tispjegalhom ‘l-ideat’ taħt diskussjoni bil-ħsieb li jintlaħaq forma ta’ ftehim ma’ Iżrael.

Il-qawwiet Iżraeljani, fl-ewwel jiem ta’ Ottubru, invadew Gaza biex jeliminaw lill-Ħamas wara li t-terroristi  kienu infiltraw l-artijiet ta’ Iżrael fejn wettqu numru ta’ massakri storiċi li fihom mietu l-mijiet ta’ ċivili u b’oħrajn jispiċċaw ostaġġi.

Il-Ħamas, waqt l-aħħar ġimgħat ta’ negozjati, insistew għal tmiem tal-gwerra kif ukoll għall-irtirar tal-aħħar suldat Iżraeljan minn Gaza. Min-naħa tiegħu, Iżrael għamilha ċara li lest biss biex jaċċetta xi pawżi temporanji fil-ġlied ( ta’ Gaza) sakemm iserraħ rasu għalkollox li l-Ħamas ma jibqax theddida għall-poplu Iżraeljan.

Sadanittant, xi sorsi, issa, qed jindikaw li l-Ħamas jistgħu ma jibqgħux jinsistu għal waqfien mill-ġlied totali f’Gaza ‘akkost ta’ kollox’.

Dan meta l-pjan għall-paċi tal-Istati Uniti għal Gaza hu mqassam fuq tliet fażijiet – bl-ewwel fażi tesiġi waqfien mill-ġlied validu għal perjodu speċifiku u waqt li jirtiraw il-qawwiet Iżraeljani miz-zoni ta’ Gaza iffullati miċ-ċivili Palestinjani.

Il-fażi inizjali anki tippermetti għal skambju bejn l-ostaġġi miżumin mill-Ħamas u l-Palestinjani li jinsabu fil-ħabsijiet ta’ Iżrael – bit-tieni fażi tal-pjan, imbagħad, tinvolvi ‘tmiem permanenti għall-ostilitajiet’.

Intant, it-tielet fażi konklussiva tal-pjan hi l-viżjoni ta’ proġetti kbar ta’ kostruzzjoni fil-Medda ta’ Gaza u r-ritorn tal-fdalijiet tal-ostaġġi Iżraeljani kollha li x’aktarx li mietu f’dawn ix-xhur ta’ priġunerija.