Waqt laqgħat li kellu ma’ għadd ta’ imprendituri Maltin f’żewġ fieri li qed isiru f’Montekristo u fl-MFCC, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech insista fuq l-importanza li pajjiżna joffri level playing field sabiex l-ebda negozju ma jispiċċa żvantaġġjat.
Dan qalu fid-dawl tal-fatt li fl-aħħar snin rajna negozjanti li jimmanuvraw minn taħt biex jimxu ‘l quddiem, u negozji oħra ġenwini li jispiċċaw jaqgħu lura u saħansitra jfallu għaliex ma jagħżlux dan il-kuntatt meqjus bħala skorrett.
“Żgur li bħala Partit nemmnu fil-bżonn li noħolqu level playing field fejn kulħadd iħoss li jista’ jirnexxi għaliex jinvesti, għaliex jaħdem, għaliex huwa bieżel,” qal Bernard Grech. “U ma jsibx lil ħaddieħor li jaqbżu sempliċiment għax għandu kuntatt kultant skorrett. F’dan is-sens aħna nemmnu f’min irid jinvesti. Nemmnu mhux biss fil-ħiliet, fil-kreattività imma anke f’dak is-sens ta’ inċentiv li anke jinvesti. U nemmnu li l-ekonomija tista’ tikber mhux biss għal dawk il-kumpaniji kbar imma anke dawk żgħar u medji.”
Fil-fiera ta’ Montekristo hemm ’il fuq minn mitt esebitur li joffru servizzi u prodotti f’setturi diversi. Dan filwaqt li l-fiera tal-MFCC qed toffri pjattaforma kemm għall-esebituri lokali kif ukoll internazzjonali biex juru l-prodotti u s-servizzi tagħhom lill-pubbliku. Bernard Grech dahar dawn iż-żewġ fieri fejn mhux biss iltaqa’ ma’ dawk responsabbli, iżda wkoll man-negozjanti u familji li żaru dawn iż-żewġ avvenimenti. Flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm ix-Shadow Minister Jerome Caruana Cilia.