Lokali

Imħassbin dwar l-emendi għas-social workers u l-psikoloġi

Skont il-Fakultà għall-Benessri Soċjali din se tkun daqqa għall-professjonijiet soċjali, fosthom fil-psikoloġija u l-counselling – abbozz illi ressaq il-Gvern mingħajr il-konsultazzjoni meħtieġa.

Bir-riżultat li persuni li m’għandhomx taħriġ jaf jitpoġġew f’sitwazzjonijiet fejn ikollhom taħt il-kura tagħhom persuni vulnerabbli.

Dawn jinkludu counsellors, psikoloġi u anke social workers illi jingħataw permess jaħdmu meta ma jkunux neċessarjament preparati.

Fi stqarrija, il-Fakulta tal-Benesseri Socjali appellat biex jiġu rispettati l-istandards tal-professjoni.

L-emenda proposta mill-Gvern twessa’ l-kriteri li jirregolaw dawn il-professjonijiet, u l-Bordijiet tal-Appelli.

Il-kompożizzjoni proposta tal-bordijiet kienet kritikata anke mill-Federazzjoni Maltija tal-Assoċjazzjonijiet Professjonali, li s-17-il membru tagħha jinkludu l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw it-tliet professjonijiet affettwati: l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ħaddiema Soċjali, il-Kamra Maltija tal-Psikoloġi u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Conselling.

L-MFPA qalet li la hi u lanqas l-assoċjazzjonijiet membri tagħha ma ġew ikkonsultati dwar l-emendi proposti mill-Gvern, u esprimiet tħassib li l-bordijiet kif proposti ma jissalvagwardjawx standards professjonali.