Julian Borg beda uffiċjalment il-ħidma tiegħu bħala Sindku tas-Siġġiewi. Dan hekk kif matul dawn l-aħħar ġranet kompla l-proċess fejn qed jieħdu l-ħatriet tagħhom kemm is-Sindki kif ukoll il-Viċi Sindki fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.

L-Erbgħa filgħaxija saret l-ewwel laqgħa tal-Kunsill li ġie elett fis-Siġġiewi.Għal din l-okkażjoni kien preżenti s-Sindku ta’ Bari Vito Leccese. Dan għaliex is-Siġġiewi, bħala belt għandha ġemellaġġ ma’ Bari, fl-Italja.

Ir-rabta bejn dawn iż-żewġ lokalitajiet hija bla dubju San Nikola – patrun kemm ta’ Bari kif ukoll tas-Siġġiewi. Il-ġemellaġġ kien iffirmat f’isem il-lokalità s-sena li għaddiet mal-Eks Sindku u issa MEP Taljan Antonio Decaro.
Dan il-ġemellaġġ joffri kooperazzjoni bejn iż-żewġ lokalitajiet u ssarraf f’inizjattivi li jibbenefikaw minnhom l-għaqdiet u anke r-residenti tas-Siġġiewi u ta’ Bari.
Intant, fl-istess seduta tal-Kunsill, Ryan Cachia ħa l-ġurament bħala Viċi Sindku tas-Siġġiewi.
