Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit tat l-aħħar ċans lil raġel ta’ 42 sena minn Tas-Sliema li kellu problema akuta ta’ droga fejn kien qed jiġi mixli li wettaq diversi serqiet minn lukandi u resdenzi biex jissodisfa l-kilba tiegħu li wasslitu biex jikkommetti dawn ir-reati, li jmorru lura 12-il sena.
Christopher Schembri li ngħata probation għal tliet snin, kien qed jiffaċċja 30 akkuża ta’ serq, ksur ta’ kundizzjonijiet u li sar reċidiv, u dan wara li fis-sentenza tagħha l-Qorti kkunsidrat il-fatt li l-imputat ammetta l-akkużi kontrih u l-fatt li wera x-xewqa li jibda programm ta’ riabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga u li issa huwa persuna riformata.
Il-Qorti qalet li waslet ukoll għal din id-deċiżjoni meħuda minnha f’Ottubru tal-2021, fejn intlaqgħet it-talba tad-difiża sabiex tikkonverti ruħha bħala Qorti tad-Droga. Għalhekk għamlet referenza għal dak li ntqal mill-Bord tar-Riabilitazzjoni. Hawn ħareġ li l-imputat qed jagħmel minn kollox sabiex jaħdem fuqu nnifsu.
“Huwa mertu ta’ dan l-isforz li l-Bord wasal għal konklużjoni biex iqis il-każ tiegħu bħala wieħed magħluq b’suċċess. Brian Camilleri, rappreżentant tal-Aġenzija Sedqa, xehed li l-imputat kien qiegħed isegwi l-programm tiegħu ta’ riabailitazzjoni b’mod eċċellenti u pożittiv. Għalhekk, il-Qorti qieset dan kollu f’dak li għandu x’jaqsam mal-piena,” qalet il-Qorti.
Schembri ammetta li bejn Awwissu u Ottubru ta’ 12-il sena ilu, huwa wettaq serqiet minn residenzi f’San Ġwann u l-Gżira li jikkonsistu fi flus kontanti u deheb, u seraq ukoll flus u deheb minn lukandi f’San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema, Baħar iċ-Ċagħaq, il-Mellieħa, San Ġiljan u s-Salina.
Is-serq li sar minn numru ta’ lukandi, kien wieħed ripetut fejn l-istess lukanda sfat vittma ta’ serq għal aktar minn darba. Il-passat tiegħu huwa wieħed ikkulurit, fejn fost sentenzi oħra fl-2017 kien kundannat tliet snin ħabs u mmultat €1,700 wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih f’rabta mas-sejba ta’ drogi u armi.
Christopher Schembri kien ġie akkużat li kellu fil-pussess tiegħu kokaina u eroina b’mod aggravat, kif ukoll armi u munizzjoni mingħajr il-permessi neċessarji. Schembri ġie akkużat ukoll li kellu apparat li jintuża għas-serq,
Il-Pulizija għamlet tfittxija fi Triq Santa Liena, f’Tas-Sliema, fejn instabu sustanzi differenti ta’ droga kif ukoll armi mingħajr permess. Fil-Qorti nstema’ kif Schembri, bejjiegħ tad-diesel u l-pitrolju, u magħruf sew mal-Pulizija u kien inqabad fil-fatt mill-membri tar-Rapid Intervention Unit jagħmel użu mid-droga flimkien ma’ tmienja oħra, sitt irġiel u żewġ nisa.
Flimkien mas-sentenza, il-Qorti kienet dakinhar talbet li r-raġel jingħata l-għajnuna kollha possibbli biex jiġġieled il-vizzju tad-droga. Madankollu, xorta kien reġa’ waqa’ sakemm bil-persistenza huwa rrifforma ruħu totalment u issa huwa bniedem ta’ min jafdah.
Għalih deher l-Avukat David Gatt.
//= $special ?>