Internazzjonali

L-Elezzjonijiet fir-Renju Unit: L-ewwel exit-polls jindikaw disfatta kbira għall-Gvern Konservattiv

Il-Partit Konservattiv fil-gvern, bħalma mistenni, sofra telfa umiljanti fl-elezzjoni ġenerali tal-bieraħ u bir-Renju Unit, issa, qed iħejji għal bidla fl-Amministrazzjoni wara 14-il sena konsekuttiva ta’ tmexxija mit-Tories tal-Prim Ministru Rishi Sunak.

Il-Partit Laburista ta’ Keir Starmer, skont l-ewwel exit polls li ħarġu fil-ħin tal-11 pm (ħin ta’ Malta), kienu qed jidhru viċin maġġoranza ta’ 170 siġġu fil-House of Commons ta’ Londra.

Jekk iċ-ċifra tkun konfermata, Starmer għandu jilħaq Prim Ministru ġdid bl-appoġġ ta’ 410 deputati (+209) – ftit anqas mit-total miksub mill-Eks Kap Laburista Tony Blair fl-elezzjonijiet tal-1997.

Intant, id-disfatta hi aktar akuta għall-Konservattivi li mistennija jkunu rappreżentati biss b’131 deputat fil-Parlament (-241) – l-inqas rappreżentanza għat-Tories (fil-House of Commons) minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

L-exit polls tal-BBC, ITV u Sky kienu qed juru lil-Liberali Demokratiċi ta’ Ed Davey bħala t-tielet l-akbar partit b’61 deputat waqt li hu mbassar li l-Partit Reform UK ta’ Nigel Farage għandu jtella’ 13-il deputat  fil-Parlament.