Tliet nisa u tlett irġiel tressqu l-Qorti mixlija b’rikatt relatat ma’ prostituzzjoni f’każ li ilu għaddej minn Jannar tal-2022. L-allegat vittma li huwa Ingliż anzjan, spiċċa biex ittiħdulu €33,000 fi flus u anke qala’ xeba’, allegatament minn tlieta mis-sitt akkużati li ġew mixlija wkoll li żammew lill-vittma kontra l-volontà tiegħu.
Clyde Mallia ta’ 24 sena u ħuħ Mario Mallia ta’ 25 sena minn Ħal Għaxaq, Massimo Fasanelli ta’ 25 sena minn Marsascala, Chanelle Spiteri ta’ 24 sena mill-Imtarfa, Xasnolley Schembri ta’ 18-il sena mill-Marsa u ommha Christine Schembri ta’ 41 sena mill-Marsa, kienu l-persuni li tressqu l-Qorti.
Mallia u Fasanelli ġew mixlija wkoll b’serq aggravat ta’ karozza u li żammew lill-anzjan sid kontra l-volontà tiegħu. Kemm l-aħwa Mallia kif ukoll Fasanelli ġew mixlija wkoll b’serq aggravat ta’ arloġġ u apparat elettroniku mingħand il-vittma, li weġġgħuh gravi fil-proċess. Fasanelli kompla jiġi mixli, flimkien ma’ Clyde u Mario Mallia, b’estorsjoni ta’ €33,000 u żamm lill-vittma kontra l-volontà tiegħu.
Clyde Mallia u Mario Mallia ġew mixlija wkoll li kisru l-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja. Fasanelli ġie mixli li kiser tliet settijiet ta’ kundizzjonijiet ta’ pleġġ. Is-sitt imputati kollha ġew akkużati wkoll b’ħasil ta’ flus.
Il-prosekuzzjoni qalet lill-Maġistrat Nadia Helena Vella, li fl-4 ta’ Ġunju li għadda l-allegat vittma informa lill-Pulizija fuq każ ta’ estorsjoni li kien qed isir fil-konfront tiegħu. Huwa qal lill-Pulizija dwar dak kollu li kien għaddej minnu.
Kien mar id-depot u sostna li sa minn Jannar ta’ sentejn ilu sal-ewwel ta’ Ġunju, kien u dan kien seħħ wara li mar għal servizz sesswali ma’ prostituta. Darba minnhom ma sabx lit-tfajla li kemm-il darba uża s-servizzi tagħha u minflok sab żewġ irġiel li aggredewh u ġegħluh jittrasferixxi is-somma ta’ €14,000 għal fond ta’ persuna oħra, għal fuq Chanelle Spiteri li kienet it-tfajla li toffri s-servizzi sesswali.
Skont l-allegat vittma, dawk li aggredewh kienu l-aħwa Mallia. Il-prosekuzzjoni qalet li l-allegat vittma qalilhom ukoll li wara għaddew is-snin wara dan l-inċident, f’Mejju ta’ din is-sena reġa’ beda theddid u mal-aħwa żdied Massimo Fasanelli, li beda jheddu.
Komplew isiru aktar bank transfers u kien ukoll mhedded li se jtellgħu videos fuqu fuq meta kien imur mal-prostita u reġa’ spiċċa msawwat u sofra wkoll xi ġrieħi. Aktar transfers saru minn fuq revolut u dawn lejn l-omm u l-bint.
L-Ispettur Stephan Gulia kompla jgħid lill-Qorti li hu għamel l-istħarriġ neċessarju fuq CCTV cameras u anke fuq il-kontijiet bankarji u t-trasferimenti li saru, u l-istorja kienet qed taqbel perfettament ma’ dak li kien qalilhom l-allegat vittma.
Tenna li nfetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Joseph Mifsud fejn għall-ewwel ħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront ta’ seba’ persuni, li niżlu għal sitta minħabba li fuq wieħed minnhom sa ussa għad m’hemm xejn.
Tennali l-ewwel ġew arrestati l-omm u l-bint mid-dar tagħhom fil-Marsa, wara l-aħwa Mallia. Sussegwentement ġiet arrestata Chanelle Spiteri u anke Massimo Fasanelli, li qal li anke pprova jaħrab lill-Pulizija u nqabad wara fil-Mosta.
Clyde Mallia kien ġie arrestat mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minħabba li kien jinsab il-ħabs fuq każ ieħor. Dwar il-flus li rċeviet Chanelle Spiteri, il-prosekutur qal li dawn intefqu.
L-Avukat Herman Mula, li kien qed jassisti lil Fasanelli, staqsa lill-ispettur dwar jekk kienx hemm dewmien biex il-klijent tiegħu jingħata d-dritt li jitkellem mal-avukat tiegħu.
“Le. Mill-mument tal-arrest tiegħu, ma tkellimtx ma’ Fasanelli qabel ma kkonsulta mal-avukat tiegħu u ttieħdet id-dikjarazzjoni lbieraħ.” F’dak il-punt, l-Ispettur Lydon Zammit informa lill-Qorti li Fasanelli kien għadu kif insulta lix-xhud.
Sadanittant il-prosekutur Gulia ċaħad is-suġġeriment, quddiem insinwazzjonijiet persistenti mill-avukat difensur u saħaq li ma kienx interroga lil Fasanelli mingħajr ma kien preżenti l-avukat tiegħu. Wara ħafna battibekki, ġie stabbilit li l-provi fil-konfront ta’ Fasanelli kienu ġew żvelati lilu immedjatament wara l-arrest tiegħu, iżda qabel kien kellem lill-avukat tiegħu u li ma sarux mistoqsijiet waqt li ma kienx megħjun.
Skada t-48 siegħa mill-arrest
L-Avukat Mario Mifsud, li assista lill-akkużati Schembri, qajjem punt ieħor u qal lill-Qorti li skadew it-48 siegħa mill-arrest tal-klijenti tiegħu, jiġifieri li ma kinux għadhom taħt arrest legali. Huwa talab lill-Qorti biex teħlishom u tordna li jiġu akkużati b’taħrika, u żied li “għandna nużaw l-istess riga għal kulħadd.”
L-Avukat tal-aħwa Mallia, Franco Debono, staqsa dwar il-ħin li fih il-maġistrat inkwirenti kien infurmat bl-arrest. L-Ispettur Andrew Agius-Bonello wieġeb li dan kien seħħ madwar 20 minuta qabel skada l-perjodu ta’ sitt sigħat li fih il-liġi kienet tgħid li kellu jagħmel dan. “Jekk niftakar sew, kien għall-ħabta tat-3:10pm.”
Fasanelli kien taħt sorveljanza tal-Pulizija u ġie osservat li juża karozza li kien seraq lill-vittma, spjega l-Ispettur Gulia. Il-Pulizija ddeċidew li jarrestawh hekk kif kien dieħel fil-karozza. Iżda meta l-Pulizija daħlu hekk kif resaq lejn il-vettura, Fasanelli kien ħarab bil-mixi, tefa’ ċ-ċwievet tal-karozza fi ġnien fil-qrib ġewwa l-Mosta.
Meta eventwalment ittieħdet taħt arrest, inqraw id-drittijiet tiegħu, iżda l-Pulizija kellhom jibqgħu miegħu sakemm il-vettura setgħet tiġi rmunkata, u ma setgħetx tinfetaħ mingħajr iċ-ċavetta, spjega l-Ispettur. Sadanittant ittieħed l-għassa tal-Mosta. “Fl-ebda punt ma qal li ried ikellem avukat,” qal l-Ispettur Gulia fil-Qorti.
Wara li semgħet ferm aktar minn siegħa ta’ sottomissjonijiet tad-difiża li jikkontestaw il-validità tal-arrest, il-Qorti ddikjarat l-arresti ta’ Massimo Fasanelli, Chanelle Spiteri u Clyde Mallia bħala validi. L-arresti ta’ Xasnolley Schembri, Christine Schembri u Mario Mallia ġew iddikjarati nulli.
Christine Schembri, Xasnolley Schembri, it-tnejn bla xogħol u Mario Mallia li qal lill-Qorti li kien jaħdem il-Mare Blu, wieġbu mhux ħatja. Clyde Mallia, li qal ukoll li kien impjegat fil-Mare Blu, wieġeb mhux ħati. Fasanelli qal lill-Qorti li kien bla xogħol u wieġeb mhux ħati.
Chanelle Spiteri, li għażlet li ma tirrispondix meta mistoqsija dwar l-istatus tax-xogħol tagħha, wieġbet mhux ħatja. Ingħatat il-libertà proviżorja kontra depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €3,000, ordnata tiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija tal-Imdina, u li tkun id-dar sal-10pm u ma toħroġx qabel is-6am.
Għall-aħwa Mallia dehru l-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit, għall-omm u l-bint dehru l-Avukati Mario Mifsud u Nicholas Mifsud, għal Fasanelli deher l-Avukat Herman Mula u għal Spiteri dehret l-Avukat Francesca Zarb. Il-prosekuzzjon tmexxiet mill-Avukati Darlene Grima u Charmaine Abdilla mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Stephan Gulia u Andrew Aguis Bonello.
//= $special ?>