Internazzjonali

Stati Uniti: Il-President Biden mhux se jċedi l-kandidatura għall-White House

Il-President Amerikan Joe Biden għamilha ċara li se jibqa’ sal-aħħar fit-tellieqa għall-White House fost l-ispekulazzjoni dwar jekk hu jistax iċedi postu lil kandidat ieħor tal-Partit Demokratiku qabel l-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

Minkejja l-għajdut li Biden jista’ qed ibati ‘mill-effetti taż-żmien’, hu, fl-aħħar messaġġ tiegħu lill-poplu, ħeġġeġ lill-votanti Amerikani biex jibbażaw il-ġudizzju fuq ir-rekord tiegħu bħala President aktar milli fuq ir-riżultat tal-aħħar dibattitu politiku bejnu u l-Eks President Donald Trump, ir-rivali kbir tiegħu li, mill-ġdid, hu l-kandidat tal-Partit Repubblikan.

Intant, is-sinjali mhumiex sbieħ għal Biden, bl-aħħar stħarriġ qed juri telf ta’ appoġġ konsistenti għall-President. Fl-istess ħin, Biden ammetta li ‘xejn ma kien impressjona’ waqt id-dibattitu ta’ jiem ilu ma’ Trump u fejn hu kien deher konfuż u inkapaċi biex jispjega l-punti li xtaq jagħmel.

Madankollu, u waqt li żdiedu r-rapporti li Biden qed ‘jaħsibha dwar il-futur’, il-President qal li ħadd mhu se jipperswadih biex iwarrab bħala n-nominat tad-Demokratiċi għall-White House – bil-Viċi President Amerikan, Kamala Harris, ukoll, f’isem il-partit, tesprimi appoġġ sħiħ għall-kandidatura tiegħu.