L-ambaxxatur tat-Turkija għall-Ġermanja ġie msejjaħ fil-Ministru tal-Affarijiet Barranin f’Berlin konsegwenza taċ-ċelebrazzjoni tad-difensur Merih Demiral li wassal għal inkwiet diplomatiku. Ahmet Başar Şen kien imħeġġeġ biex jispjega l-ġest li għamel Demiral filwaqt li jieħu miżuri biex jippreveni li sitwazzjoni simili terġa’ tinħoloq.
Demiral li skorja ż-żewġ gowls tat-Turkija fir-rebħa kontra l-Awstrija fil-fażi tal-aħħar 16, iċċelebra b’mossa ta’ lupu, mossa li hi assoċjata mal-grupp tal-lemin estrem ‘Grey Wolves’. Dan il-grupp fil-Ġermanja jappartjeni għal madwar 20,000 membru u hu t-tieni l-akbar organizzazzjoni tal-lemin estrem fil-pajjiż.
Madankollu, kemm il-grupp kif ukoll is-simbolu mhumiex sospiżi fil-Ġermanja minkejja snin ta’ dibattitu biex tidħol fis-seħħ is-sospensjoni. F’pajjiżi oħra bħal Franza u l-Awstrija, is-sospensjoni hi fis-seħħ.
It-Torok fil-Ġermanja huma l-akbar minoranza etnika b’madwar miljun u nofs flimkien ma’ kważi miljun u nofs ċittadini Ġermaniżi li għandhom dixxendenza Torka. Il-Ministru tal-Intern tal-Ġermanja Nancy Faeser ikkundannat dan il-ġest fuq il-media soċjali u qalet li kompletament inaċċettabbli biex jintuża Kampjonat tal-Futbol bħala pjattaforma għar-razziżmu. Hi sejħet biex il-UEFA tinvestiga u tikkunsidra timponi sanzjonijiet fuq it-tim Tork. Il-UEFA qalet li qed tinvestiga iżda għadha trid tittieħed id-deċiżjoni finali.
B’reazzjoni għaċ-ċelebrazzjoni tiegħu, Demiral qal li ċ-ċelebrazzjoni tiegħu għandha x’taqsam mal-identità Torka u saħaq li ra partitarji jagħmlu dan il-ġest u żied li hu kburi ħafna li hu Tork. Hu qal li m’hemm l-ebda messaġġ moħbi u sempliċiment ried juri kemm kien kuntent.
It-tislima tal-lupu hu simbolu li jidentifika l-arma tal-Grey Wolves. Esperti fl-estremiżmu qalu l-Grey Wolves juru mibegħda lejn il-Kurdi, il-Lhud, il-Kristjani, l-Armeni, il-Griegi, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti. Il-grupp għandu storja twila ta’ terroriżmu li jmur lura għas-snin 70 u ngħataw il-ħtija għall-attakki ta’ bomba f’Pariġi u Bangkok kif ukoll l-attentat tal-1981 fuq il-ħajja ta’ Papa Ġwanni Pawlu II.
Skont rapporti, jidher li l-President tat-Turkija Recep Tayyip Erdoğan mistenni jattendi għall-kwartifinali tat-Turkija kontra l-Olanda għada filgħaxija.
//= $special ?>