Keith Azzopardi ta’ 31 sena minn Bormla, ġie kkundannat tmien xhur ħabs u tilef żewġ garanziji personali li permezz tagħhom kien ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ammetta li kien fis-sakra u ħoloq kjass meta beda jwaddab il-fliexken. Il-Pulizija kienu ssejħu f’Misraħ Santa Margherita, f’Bormla, fuq rapport li kien hemm persuna fis-sakra li kienet qed toħloq kommossjoni u twaddab il-fliexken.
Azzopardi tressaq il-Qorti b’arrest quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo akkuzat li kiser żewġ digrieti tal-ħelsien mill-arrest, għamel ħsara volontarja, hebb u insulenta persuna kif ukoll li kiser il-mistrieħ tan-nies. L-Ispettur Omar Zammit qal lill-Qorti li l-Ħadd għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu huwa kien infurmat mill-għassa ta’ Bormla li kellhom rapport li Azzopardi kien qiegħed jaqla’ l-inkwiet ħdejn gabbana f’Bormla, u li kien aktarx fis-sakra.
L-Ispettur qal li minħabba li Azzopardi għandu ordnijiet mill-Qorti li bejn id-9pm u s-6am irid ikun ġewwa daru, huwa ordna l-arrest immedjat tiegħu. L-Ispettur qal li l-akkużat ma jitgħallimx, tant li f’Marzu li għadda wkoll kien tressaq il-Qorti akkużat li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u dakinhar ingħata multa minflok ġew irrevokati d-digrieti.
Keith Azzopardi wiegeb ħati għall-akkużi kollha u ngħata sentenza ta’ tmien xhur priġunerija. Il-Qorti ordnat ukoll li l-ħelsien mill-arrest li kien ingħata f’żewġ kawżi differenti, jiġi revokat, kif ukoll li d-depożitu u l-garanzija personali jiġu meħuda.
//= $special ?>