Lokali

Abela għadu ma żvelax il-pakkett finanzjarju ta’ Mark Mallia

Il-kurunell Mark Mallia beda fir-rwol ġdid tiegħu bħala Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru minflok Glenn Micallef. Dan wara li ċ-Chief of Staff ta’ Kastilja rriżenja mill-kariga tiegħu.

U l-bidu tal-ħidma ta’ Mark Mallia f’Kastilja diġà bdiet bl-iskossi, hekk kif il-Prim Ministru qed iżomm segretezza assoluta dwar il-pakkett finanzjarju li qed idaħħal f’butu bħala Chief of Staff ta’ Robert Abela.

Mark Mallia ħalla t-tmexxija ta’ Transport Malta biex jieħu l-pożizzjoni ta’ Chief of Staff f’Kastilja. Dan ifisser li hu okkupa erba’ rwoli differenti fil-Gvern… f’temp ta’ sitt xhur.

Intant, barra l-Parlament, staqsejna wkoll lil Robert Abela x’se jiġri miċ-Chief of Staff ta’ qablu, Glenn Micallef. Bil-Prim Ministru mhux jeskludi li jinnominah għal Kummissarju Ewropew.

Minn ġewwa, Robert Abela qed jaffaċċja wkoll pressjoni enormi biex jerġa’ jikkunsidra lil Chris Fearne għal Kummissarju… wara li ħareġ kif hu spiċċa fil-mira ta’ Steward Healthcare.