Lokali

“Bħalissa” Miriam Dalli qed teskludi li tikkontesta għal xi kariga fit-tmexxija Laburista

Ma tiddefendix lil Robert Abela quddiem il-kummenti ta’ Evarist Bartolo u Randolph DeBattista

“Kulħadd għandu dritt għall-opinjoni – u l-Partit Laburista bħalissa qed janalizza r-riżultat.”

Sostniet dan il-Minsitru Miriam Dalli meta l-Ġimgħa filgħodu Net News staqsiha jekk taqbilx mal-istqarrijiet li għamlu fl-aħħar jiem l-Eks Ministru Evarist Bartolo u l-Kap Eżekuttiv tal-Labour Randolph Debattista.

Intervistat minn Andrew Azzopardi, is-CEO Laburista sostna li l-kummenti u l-attakki fuq il-ġudikatura u l-ġurnalisti telfu l-voti… filwaqt li insista li xi kultant ikollu bżonn megaphone biex jisimgħuh. Narrattiva li timxi id f’id ma’ dak li qal Evarist Bartolo hekk kif insista li ma ttieħdet ebda azzjoni; minkejja l-laqgħat li seħħew mal-Mexxej Laburista Robert Abela.

Bartolo stqarr li b’dan in-nuqqas ta’ deċiżjonijiet min-naħa tal-Prim Ministru, il-pajjiż u l-Partit Laburista spiċċaw f’koma.

Madanakollu, mhux talli ma ħassitx il-ħtieġa li toħroġ għonqha għal Abela, talli Miriam Dalli insistiet li l-Labour għandu jżomm saqajh mal-art… u li kulħadd intitolat għall-opinjoni tiegħu.

Mistoqsija jekk hux qed titħajjar biex tixħet in-nomina tagħha għal kariga fit-tmexxija tal-Partit… partikolarment wara r-riżenja ta’ Daniel Micallef minn Deputat Mexxej… Dalli saħqet b’mod mill-aktar sinifikattiv li bħalissa, qed teskludi kollox.

Intant, Net News staqsa lill-Ministru Miriam Dalli dwar il-proġett tal-inċeneratur tal-Magħtab, wara li l-Qorti tal-Appell iddeċidiet li meta ngħata t-tender ta’ €600 miljun – żewġ membri fil-Bord tal-Kuntratti kellhom kunflitt ta’ interess… filwaqt li nġibdet l-attenzjoni fuq persuna oħra li kienet fil-Kumtat tal-Evalwazzjoni. B’dan il-kunflitt jiġi kkonfermat ukoll mill-istess Ministru.

Madanakollu mistoqsija min se jkun qiegħed jerfa’ xi tip ta’ responsabbiltà politika b’rabta ma’ dan kollu – Miriam Dalli tat x’tifhem li ħadd mhuwa se jkun qed jerfa’ responsabbiltà minħabba l-fatt li dawn il-bordijiet ikunu statutorji – bil-membri jibqgħu fissi.