Futbol Sport

Claudio Grech maħtur President ġdid ta’ Valletta FC

(Ritratt: Valletta FC)

Claudio Grech hu l-President il-ġdid ta’ Valletta wara deċiżjoni li ttieħdet mill-membri preżenti waqt il-kontinwazzjoni tal-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-klabb. Grech se jkun qed jieħu post Alexander Fenech li kien ilu involut fil-klabb ta’ Valletta mill-2010 u fil-kariga ta’ President fl-aħħar tliet staġuni.

Jidher li l-għażla biex Claudio Grech jinħatar fil-kariga l-ġdida ġiet approvata unanimament mill-membri preżenti u fil-jiem li ġejjin l-istess Grech se jkun għaddej bil-ħidma biex jifforma kumitat ġdid. Grech li fil-passat serva bħala Deputat fil-Parlament ta’ Malta, mistenni jwettaq bidliet importanti fil-klabb Belti u din l-aħbar intlaqgħet tajjeb kemm mill-membri preżenti kif ukoll minn partitarji ta’ Valletta li fuq il-midja soċjali kkummentaw b’mod pożittiv għall-ħatra l-ġdida ta’ Claudio Grech.

Il-ħidma ta’ Valletta mistennija li tkun immedjata hekk kif f’dan l-istaġun se jkunu qegħdin jilagħbu fil-BOV Challenge League li jibda ftit aktar minn xahrejn oħra. Dan wara li fl-istaġun li għadda sfaw relegati mill-Kampjonat Premier għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb.