‘Dar Saura’ fir-Rabat se tinbidel f’ċentru ta’ empowerment għal tfal u żgħażagħ b’diżabbiltà bil-għan li l-Malta Trust Foundation tkun tista’ tgħin ħafna aktar tfal li għandhom bżonn is-servizzi ta’ din il-Fondazzjoni.
Dan sar possibbli wara li l-Arċidjoċesi ta’ Malta għaddiet din il-proprjetà lill-Malta Trust Foundation għal 65 sena waqt ċerimonja ta’ iffirmar li saret il-Ġimgħa filgħodu fil-preżenza tal-Arċisqof Charles Scicluna kif ukoll iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.
Din id-dar tas-seklu 17 li sa ftit tax-xhur ilu kienet isservi bħala dar għall-anzjani, issa se tieħu l-ħajja mill-ġdid bid-daħk u l-mużika tat-tfal u ż-żgħażagħ.
Waqt din iċ-ċerimonja l-Arċisqof Charles Scicluna stqarr li permezz tat-tmexxija tal-Malta Trust Foundation, Dar Saura ssir ċentru mill-aktar avvanzat li jagħti s-setgħa lit-tfal u liż-żgħażagħ b’diżabbiltà biex jimpenjaw ruħhom fil-ħiliet tagħhom u jiskopru u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom permezz tal-mużika u l-arti.
Minn naħa tagħha, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca ddeskriviet dan il-ftehim bħala wieħed storiku, filwaqt li qalet li hija l-ħolma tagħha li tara dan iċ-ċentru jsir one-stop-shop għall-familji biex jaraw lil uliedhom b’diżabbiltà jirnexxu u jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom.
Preżentament, iċ-ċentru tal-Fondazzjoni bl-isem Villabianca li fetaħ fl-2021, tant kiber li hemm lista ta’ stennija ta’ 250 persuna.
U meta sentejn oħra jiftaħ Ta’ Saura Empowerment Hub, ikun jista’ jilqa’ sa 500 tfal u żgħażagħ li taħt gwidi esperti jistgħu jesploraw il-qawwa terapewtika tal-mużika, iż-żfin u l-arti.
Minbarra dan kollu, il-medda kbira ta’ art ta’ Dar Saura se tippermetti lill-Fondazzjoni biex toħloq ċentru għal occupational therapy, intrapriża soċjali, swali għat-taħriġ, petting farm u kamra multisensorjali.
//= $special ?>