Żewġ ġganti tal-futbol Ewropew qed jimmiraw li jirbħu l-Kampjonat Ewropew għal rekord erba’ darbiet. Ir-rebbieħ ta’ dan id-dwell jilgħab kontra l-Portugall jew Franza f’dik li għal ħafna se tkun finali antiċipata.
Wara li rebħu t-tliet logħbiet tal-grupp f’Kampjonat Ewropew għall-ewwel darba mill-2008, l-Ispanjoli jibqgħu l-uniku nazzjon f’din l-edizzjoni li rebħu l-logħbiet kollha. Dan anki jekk inħasdu fil-logħba tal-aħħar 16 kontra Georgia meta kellhom jirkupraw minn gowl minn taħt wara awtogowl ta’ Robin Le Normand, f’dak li kien l-ewwel gowl li sofrew l-Ispanjoli.
Spanja probabbilment uriet l-aħjar futbol milgħub u għalhekk mhix sorpriża li għar-raba’ darba fl-aħħar ħames edizzjonijiet tinsab mal-aħħar tmienja. Il-kowċ nazzjonali Luis de la Fuente bena tim żagħżugħ u enerġetiku li qed jilgħab futbol ftit differenti minn dak li l-Ispanjoli kienu jilagħbu.
Spanja ma kinitx megħluba mill-Ġermanja fl-aħħar sitt logħbiet kompetittivi. L-aħħar konfront bejniethom kien draw ta’ 1-1 fl-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja. Fost il-konfronti fil-passat riċenti li l-Ispanjoli jiftakru żgur, hemm il-finali tal-2008 mirbuħa 1-0 kif ukoll ir-rebħa ta’ 6-0 fil-UEFA Nations League.
Il-Ġermaniżi qed jimmiraw li jirbħu l-ewwel Kampjonat Ewropew mill-1996 speċjalment meta qed jilagħbu quddiem il-pubbliku tagħhom stess. Huma eliminaw lid-Danimarka 2-0 fil-fażi tal-aħħar 16, bil-kowċ Julian Nagelsmann jgħid li l-plejers bdew jirrealizzaw kemm huma tajbin bħala tim. Din il-kwalifikazzjoni kienet l-ewwel waħda għalihom f’kompetizzjoni maġġuri mill-Kampjonat Ewropew tal-2016.
Jekk l-Ispanjoli għandhom rekord pożittiv riċenti kontra l-Ġermanja, l-organizzaturi wkoll għandhom rekords pożittivi li jtellgħu l-moral tagħhom. Huma mhux megħluba kontra Spanja fl-aħħar tmien logħbiet li lagħbu f’darhom. Fatt kurjuż hu li l-ebda nazzjon li kien qed jorganizza Kampjonat Ewropew ma kien eliminat fil-kwartifinali. Madankollu l-aħħar rebħa kontra Spanja tmur lura għal Novembru tal-2014 b’gowl ta’ Toni Kroos, plejer li llum itemm il-karriera jekk il-Ġermanja titlef.
De la Fuente mhux mistenni jagħmel bidliet fl-ewwel ħdax, biż-żagħżugħ promettenti Lamine Yamal u Nico Williams għandhom jibdew fl-attakk flimkien ma’ Alvaro Morata. Pedri mistenni jirbaħ id-dwell ma’ Mikel Merino u Dani Olmo biex flimkien ma’ Rodri u Fabian Ruiz jgħaqqdu nofs il-grawnd.
Nacho Fernandez irkupra wara li weġġa’ ftit siequ iżda mhux mistenni li jibda flok Le Normand jew Aymeric Laporte filwaqt li Dani Carvajal u Marc Cucurella jibdew fuq il-linja laterali tad-difiża.
Dubju għal Nagelsmann se jkun jekk fid-difiża jibdiex b’Jonathan Tah li kontra d-Danimarka kien sospiż, jew jinżammx Nico Schlotterbeck. Ix-xellugi Maximilian Mittelstadt ma kienx magħżul fl-aħħar logħba u se jipprova jkun preferut qabel David Raum filwaqt li Florian Wirtz jinsab fi dwell ma’ Leroy Sane għal min jibda fuq in-naħa xellugija tal-attakk.
Kai Havertz mistenni jkun konfermat fl-attakk minkejja l-prestazzjonijiet ta’ Niclas Fűllkrug filwaqt li Kroos, Robert Andrich u l-captain Ilkay Gűndogan huma konfermati f’nofs il-grawnd.
//= $special ?>