Lokali

Gvern arroganti li ma jikkonsultax lanqas dwar il-professjonijiet tal-benesseri soċjali – PN

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li l-Gvern għandu jikkonsulta bis-serjetà għall-ġid tal-qasam kollu

B’referenza għall-Abbozz 104 biex jemenda liġijiet varji dwar il-professjonijiet regolati fil-qasam tal-benesseri soċjali, il-Partit Nazzjonalista jiddeplora l-mod kif dan l-Abbozz tressaq fil-Parlament mingħajr ebda konsultazzjoni mal-istakeholders ewlenin, filwaqt li l-għaġla kbira li l-Gvern għandu biex idaħħal din il-liġi qed tqanqal ċerti dubji dwar il-vera raġuni għal dan it-tibdil. Kien biss bis-saħħa u bl-insistenza tal-Partit Nazzjonalista matul it-tieni qari fil-Parlament, kif ukoll bl-oppożizzjoni min-naħa tal-istakeholders kollha, li l-Ministru Michael Falzon ċeda għal din il-pressjoni u se jkun qed ilaqqa’ l-istakeholders it-Tnejn li ġej.

Il-Partit Nazzonalista jiċċara li, filwaqt li hu favur id-dritt li persuna jkollha l-opportunità ta’ appell, l-istrutturi li jinħolqu biex jipprovdu dan għandhom ikunu awtonomi u bla xkiel minn indħil politiku, għandhom jassiguraw smiegħ xieraq u għandhom iżommu l-ogħla standards tal-professjoni bħala riga fid-deċizjonijiet tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista hu kontra li membri fi ħdan il-Kumitati tal-Appell li qed jipproponi l-Gvern ikunu esklussivament kollha maħtura mill-Ministru, kif ukoll hu kontra li l-funzjoni tal-Kumitati tal-Appell jiffukaw biss fuq issues ta’ warrant. Il-Partit Nazzjonalista hu tal-fehma wkoll li l-emendi li qed jiddaħħlu fil-professjoni tal-Psikoloġija għal rikonoxximent ta’ kwalifiki jimmeritaw diskussjoni serja u profonda mal-professjoni u l-għaqdiet biex ikun żgurat li l-klijenti tagħhom ikunu verament qed jieħdu l-aħjar servizz.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jieqaf ikun arroganti u jibda jdawwar ir-rotta billi jibda jisma’ u jikkonsulta mal-esperti u ma’ min għandu għal qalbu l-benesseri soċjali. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ ddeterminat li jressaq l-emendi tiegħu biex verament ikollna liġi li tħares id-drittijiet ta’ kull min jaħdem f’dan il-qasam u ta’ kull min juża dawn is-servizzi.

Din l-istqarrija kienet iffirmata mix-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal, Graziella Attard Previ.