EURO 2024 Futbol Sport

Il-Portugall u Franza jiltaqgħu għat-tielet edizzjoni konsekuttiva

(Ritratt: EPA)

Konfront klassiku bejn il-Portugall u Franza għal diversi raġunijiet f’dik li se tkun ripetizzjoni tal-finali ta’ tmien snin ilu mirbuħa mill-Portugall. Dwell bejn żewġ stilel tal-passat, jiġifieri Cristiano Ronaldo li jinsab fl-aħħar tal-karriera, u Kylian Mbappe li jinsab fl-aħjar żmien tal-karriera.

Iż-żewġ timijiet għaddew b’mod drammatiku. Il-Portugall bl-għoti tal-penalties kontra s-Slovenja wara li r-riżultat baqa’ ma nfetaħx fil-ħin regolamentari u fil-ħin barrani. Franza rebħet 1-0 kontra l-Belġju b’awtogowl skorjat fil-85 minuta.

Fl-aħħar partita, Cristiano Ronaldo seraq ix-xena meta falla penalty fil-ħin barrani u spikka l-mument li fih beka u kellu jiġi kkonslat minn sħabu. Kwarta wara, l-istess plejer kellu l-kuraġġ li jagħti l-ewwel penalty u skorjah.

L-eroj tas-serata kien il-gowlkiper Portugiż Diogo Costa li sar l-ewwel gowlkiper li salva tliet penalties waqt Kampjonat Ewropew. Fl-aħħar edizzjoni, il-Portugiżi sfaw eliminati mal-aħħar 16 u għaldaqstant sa issa diġà marru pass aħjar.

Fatt li l-kowċ Roberto Martinez irid jaħdem fuqu hu li t-tim tiegħu ma skorjax fl-aħħar żewġ logħbiet b’telfa ta’ 2-0 kontra Georgia fl-aħħar logħba  minn Grupp F, u l-konfront kontra s-Slovenja li ntemm 0-0 qabel għaddew bl-għoti tal-penalties.

L-istess raġuni għandu għaliex jinkwieta l-kowċ Franċiż Didier Deschamps. Dan minħabba li fl-erba’ logħbiet milgħuba f’din l-edizzjoni, għadu jrid jiskorja plejer Franċiż minn azzjoni. Il-gowls waslu minn penalty u żewġ awtogowls.

Jekk Martinez u Deschamps qed jinkwetaw ftit fuq l-attakk minħabba n-nixfa ta’ gowls minkejja t-talent fit-tim, it-tnejn jinsabu kuntenti bl-aspett difensiv tagħhom.

Il-Portugall sofriet gowl fl-ewwel logħba kontra r-Repubblika Ċeka u żewġ gowls kontra Georgia bid-difiża regolari mibdula filwaqt li ma sofrewx gowl kontra t-Turkija u s-Slovenja. Franza sofriet biss gowl f’erba’ logħbiet li wasal minn penalty kontra l-Polonja u skorjat minn Robert Lewandowski.

Fl-aħħar edizzjoni, iż-żewġ nazzjonijiet iltaqgħu kontra xulxin u kienu spiċċaw 2-2 filwaqt li fl-edizzjoni tal-2016, il-Portugall kienet rebħet 1-0 b’gowl fil-ħin barrani skorjat minn Eder. Din kienet l-uniku rebħa tal-Portugiżi kontra Franza mill-aħħar 13-il logħba. Wieħed jiftakar ukoll li Franza kienet eliminat lill-Portugall fis-semifinali tat-Tazza tad-Dinja tal-2006 bl-iskor ta’ 1-0.

Roberto Martinez irid jara l-kundizzjoni fiżika tal-plejers wara li lagħbu 120 minuta t-Tnejn li għadda. Jekk dan il-fattur ma jkunx problema, Martinez mhux mistenni jagħmel bidliet kbar fit-tim, b’Vitinha, Joao Palhinha u Bruno Fernandes mistennija jilagħbu f’nofs il-grawnd filwaqt li Rafael Leao, Bernardo Silva u Cristiano Ronaldo favoriti li jibdew fl-attakk. Fid-difiża mhux mistennija bidliet għalkemm il-kundizzjoni tal-veteran ta’ 41 sena żgur li tinsab taħt evalwazzjoni.

Deschamps żgur irid jagħmel bidla minħabba li Adrien Rabiot se jkun sospiż wara li ġie muri t-tieni karta safra f’din l-edizzjoni. Il-kowċ Franċiż irid joqgħod attent ukoll minħabba li Ousmane Dembele u Eduardo Camavinga fost l-oħrajn jinsabu karta safra bogħod minn sospensjoni. Il-Franċiż jista’ jagħmel bidla wkoll fl-attakk fil-formazzjoni tal-bidu hekk kif fl-aħħar logħba, Marcus Thurman ġie mibdul minn Randal Kolo Muani wara siegħa logħob.