Lokali

“Jekk irid ikun kredibbli, Robert Abela għandu jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista biex flus il-poplu jinġiebu lura” – PN

Robert Abela għandu jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista biex jinġiebu flus il-Maltin mid-deal frawdolenti tal-isptarijiet, fejn issa ġie żvelat kif li parti mill-€400 miljun apparti li ntużaw għall-korruzzjoni u l-frodi, marru wkoll biex jagħmlu frame-up.

F’messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li ġimgħa wara li ħarġu dettalji ġodda dwar dan il-każ, Robert Abela għadu sal-lum jiddefendi lil dawk li apparti li serqu flus il-poplu u qasmuhom bejniethom, ħallsu minn flus il-poplu biex ġew ivvintati stejjer fuq id-Deputat Mexxej tiegħu stess. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li jekk Robert Abela jrid jittieħed bis-serjetà, għandu jwaqqaf l-oppożizzjoni tiegħu u jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista biex jinġiebu flus il-poplu Malti lura. 

Matul l-istess messaġġ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dawk il-flus li nsterqu setgħu faċilment intużaw għall-poplu kollu, għas-saħħa tal-għeżież tiegħek.