Lokali

L-‘Administrative Pass’ mhux se japplika għall-baċellerat tal-inġinerija fl-MCAST

Il-Kamra tal-Inġiniera kkritikat id-deċiżjoni tal-MCAST li tapplika l-Administrative Pass (AP) għal taqsimiet ta’ studju fejn l-istudenti ma ġewx assessjati minħabba d-direttivi tal-għalliema. Il-Kamra tal-Inġiniera saħqet kif fid-dawl tal-azzjoni industrijali li qed issir fl-MCAST, il-Kamra tal-Inġiniera ltaqgħet mal-MCAST, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Bord tal-Inġiniera, biex tifhem kif se jintlaqtu l-istudenti tal-inġinerija.

Huma kkonfermaw li l-Aministrative Pass ma ġewx applikati għall-programmi tal-Baċellerat tal-Inġinerija, peress li l-kalendarju akkademiku jippermetti t-tlestija tal-valutazzjoni. L-istudenti jistgħu jibdew is-sena akkademika kondizzjonali u jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha sa tmiem l-2024/2025.

Il-Kamra tal-Inġiniera tirrikonoxxi n-natura sensittiva tan-negozjati bejn it-trejdunjin u min iħaddem u se tkompli taħdem mal-partijiet interessati biex tissalvagwardja l-professjoni tal-inġinerija.